- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 15 ta' Awwissu 2020 11:50
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar it-tħabbira ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u l-UAE.
L-UE tilqa' t-tħabbira dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u l-Emirati Għarab Magħquda, u tirrikonoxxi r-rwol kostruttiv li għandhom l-Istati Uniti f'dan ir-rigward. Għal ħafna snin l-UE ppromwoviet l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u l-pajjiżi tar-reġjun. Iżrael u l-Emirati Għarab Magħquda huma t-tnejn sħab importanti tal-Unjoni Ewropea. In-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom ser tkun ta' benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi u pass fundamentali għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun kollu kemm hu. Aħna nibqgħu impenjati għal paċi komprensiva u dejjiema għar-reġjun kollu u lesti li naħdmu għal dan il-għan flimkien mas-sħab reġjonali u internazzjonali tagħna.
L-impenn tal-Iżrael li jissospendi l-pjanijiet ta' annessjoni unilaterali ta' żoni tat-territorju Palestinjan okkupat huwa pass pożittiv. Kwalunkwe deċiżjoni unilaterali li ddgħajjef soluzzjoni dejjiema u maqbula għandha tiġi evitata. L-UE tibqa' soda fl-impenn tagħha għal soluzzjoni negozjata u vijabbli ta' żewġ stati mibnija fuq il-parametri maqbula internazzjonalment u d-dritt internazzjonali - u tafferma mill-ġdid li hija lesta taħdem biex jerġgħu jibdew negozjati sinifikanti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, filwaqt li tibni wkoll fuq l-impenn tal-partijiet tad-dikjarazzjoni konġunta li jinvolvu ruħhom b'mod diplomatiku u jkomplu l-isforzi biex tinkiseb paċi ġusta, komprensiva u dejjiema.
Il-Pajjiżi Kandidati r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija1), il-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda u l-Liechtenstein, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia jallinjaw ma' din id-dikjarazzjoni.
1) Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni
Kuntatti għall-istampa
-
Peter Stano Kelliem Ewlieni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
- +32 2 295 45 53
- +32 460 75 45 53
- @ExtSpoxEU
-
Nabila Massrali Kelliem temporanju tas-SEAE
- +32 2 29 88093
- +32 460 79 52 44
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Frar 2024