- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' April 2021 16:16
Russja: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar saħħet Alexei Navalny li sejra għall-agħar
L-Unjoni Ewropea hija mħassba serjament dwar rapporti li s-saħħa tal-politiku tal-oppożizzjoni Russu Alexei Navalny fil-kolonja penali qed tkompli tmur għall-agħar. Nappellaw lill-awtoritajiet Russi biex jagħtuh aċċess immedjat għal professjonisti mediċi li jafda. L-awtoritajiet Russi huma responsabbli għas-sikurezza u s-saħħa tas-Sur Navalny fil-kolonja penali, li għalihom inżommuhom responsabbli.
Bħala kontinwazzjoni tal-messaġġi ċari li ngħataw matul iż-żjara tar-Rappreżentant Għoli f'Moska fi Frar dwar is-sitwazzjoni tas-Sur Navalny, l-UE ser tkompli tappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu minħabba li nikkunsidraw li s-sentenza tiegħu hi politikament motivata u tmur kontra l-obbligi internazzjonali tar-Russja b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem. F'dan ir-rigward, aħna nistennew ukoll li r-Russja tħares l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż li tikkonforma mal-miżura interim tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tan-natura u l-livell tar-riskju għall-ħajja tas-Sur Navalny.
L-Unjoni Ewropea kkundannat l-avvelenament tas-Sur Navalny bl-aktar mod qawwi possibbli u imponiet sanzjonijiet f'Ottubru tas-sena li għaddiet fuq sitt uffiċjali għoljin Russi u entità waħda involuta fl-attentat ta' assassinju. Barra minn hekk, skont ir-reġim ta' sanzjonijiet globali tagħha b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, fi Frar l-UE imponiet sanzjonijiet fuq erba' individwi minħabba r-rwoli tagħhom fl-arrest, il-prosekuzzjoni u s-sentenza arbitrarji tas-Sur Navalny.
Il-każ tas-Sur Navalny mhuwiex inċident iżolat iżda jikkonferma xejra negattiva ta' spazju dejjem jiċkien għall-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-ilħna indipendenti fil-Federazzjoni Russa.
L-Unjoni Ewropea, flimkien mas-sħab tagħha, ser tkompli tappella lir-Russja biex tinvestiga b'urġenza l-attentat ta' assassinju b'avvelenament fuq is-Sur Navalny bi trasparenza sħiħa u mingħajr aktar dewmien, u biex tikkoopera b'mod sħiħ mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) biex tiġi żgurata investigazzjoni internazzjonali imparzjali.
L-Unjoni Ewropea ser terġa' lura għal din il-kwistjoni matul il-laqgħa li jmiss tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE nhar it-Tnejn, 19 ta' April.
Il-Pajjiżi Kandidati r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro u l-Albanija1), u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.
1) Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
.Kuntatti għall-istampa
-
Peter Stano Kelliem Ewlieni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
- +32 2 295 45 53
- +32 460 75 45 53
- @ExtSpoxEU
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2024