Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 15 ta' Novembru 2021 13:15

Il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030

Il-ministri għall-agrikoltura tal-UE laqgħu l-pubblikazzjoni ta' strateġija ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030.

Fil-konklużjonijiet adottati matul il-laqgħa tal-lum dwar l-agrikoltura u s-sajd, il-ministri rrikonoxxew il-ħtieġa li l-foresti jikkontribwixxu aktar għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u għall-miri globali bħall-Aġenda 2030. B'mod partikolari:

  • enfasizzaw ir-rwol essenzjali tal-foresti għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u ambjent naturali b'saħħtu skont l-approċċ "Saħħa Waħda"
  • qablu li l-forestrija tista' taqdi rwol ewlieni fit-tranżizzjoni tal-UE lejn bijoekonomija ċirkolari ekoloġika, newtrali għall-klima u kompetittiva
  • saħqu fuq l-importanza tal-kooperazzjoni u d-djalogu kostruttiv bejn l-istati membri, il-Kummissjoni, il-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili
  • laqgħu l-enfasi tal-istrateġija l-ġdida fuq il-promozzjoni ta' prodotti sostenibbli bbażati fuq l-injam u l-proposta biex tiġi stabbilita sħubija ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-forestrija.

Madankollu, il-konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u saħqu fuq l-importanza li d-diversità tal-foresti u tal-prattiki tal-ġestjoni tal-foresti fi stati membri u reġjuni differenti jinżammu u jiġu rispettati. Barra minn hekk, l-istati membri esprimew dubji dwar il-valur tal-iżvilupp ta' pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-forestrija, kif previst fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u inkoraġġew l-użu ta' proċessi internazzjonali eżistenti ta' monitoraġġ u rappurtar. Fl-aħħar nett, il-ministri ħassew li strateġija ġdida tal-UE għall-foresti għandha tinkludi dimensjoni internazzjonali mmirata lejn it-trażżin tad-deforestazzjoni globali.

Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Bħala wieħed mill-pajjiżi l-aktar mimlija foresti fl-Ewropa, is-Slovenja dejjem apprezzat l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Il-konklużjonijiet tal-lum jirriflettu l-ħtieġa li l-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu flimkien u jadottaw approċċ bilanċjat sabiex jilqgħu l-isfidi bla preċedent li qed jiffaċċjaw il-foresti tagħna, waqt li fl-istess ħin jipproteġu l-komunitajiet li l-għajxien tagħhom jiddependi mir-riżorsi tal-foresti.
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja

Informazzjoni ġenerali

Fl-14 ta' Lulju 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030. Bħala wieħed mill-elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-inizjattiva tibni fuq l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità u ser tifforma parti ewlenija mill-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55 % sal-2030. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tagħti għadd ta' miżuri proposti li għandhom l-għan li jżidu d-daqs u l-kwalità tal-foresti tal-Ewropa u li jtejbu r-reżiljenza tagħhom għal sfidi bħat-tibdil fil-klima, filwaqt li jappoġġaw ukoll il-komunitajiet li l-għajxien tagħhom jiddependi fuq il-forestrija.

Il-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex il-foresti tal-Ewropa jingħataw ħajja mill-ġdid u biex jiġu protetti l-industriji bbażati fuq il-foresti jinkludu:

  • il-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (SFM), inkluż billi jitħeġġeġ l-użu sostenibbli tar-riżorsi bbażati fuq l-injam
  • inċentivi finanzjarji pprovduti għas-sidien u l-ġestjonarji tal-foresti biex jadottaw prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent bħal dawk marbuta mal-ħżin u s-sekwestru tal-karbonju
  • titjib fid-daqs u l-bijodiversità tal-foresti, inkluż billi jitħawlu 3 biljun siġra ġdida sal-2030
  • il-promozzjoni ta' industriji forestali alternattivi bħall-ekoturiżmu, kif ukoll prodotti mhux tal-injam bħas-sufra, l-għasel u l-pjanti mediċinali
  • l-inkoraġġiment tal-użu ta' appoġġ finanzjarju skont il-Politika Agrikola Komuni, li jista' jgħin lill-foresti u lill-industriji bbażati fuq il-foresti jilqgħu għat-tibdil fil-klima
  • edukazzjoni u taħriġ ipprovduti għal persuni li jaħdmu f'industriji bbażati fuq il-foresti u li dawn l-industriji jiġbdu aktar żgħażagħ
  • l-istabbiliment ta' strument legalment vinkolanti għar-restawr tal-ekosistema
  • il-protezzjoni tal-foresti primarji u antikili fadal fl-UE.

Il-passi li jmiss

Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tagħti skeda ta' żmien bid-dettalji dwar il-passi konkreti li ser tkun qed tieħu matul il-perjodu 2021-2023 biex tikseb l-għanijiet tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti. Sal-2025 ser tirrieżamina l-istrateġija biex tivvaluta l-progress u tiddetermina jekk hemmx il-ħtieġa ta' aktar azzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati llum jappellaw lill-Kummissjoni biex tipprovdi wkoll aġġornamenti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija, u biex tinvolvi lill-Kunsill fi kwalunkwe azzjoni ulterjuri li tista' tittieħed abbażi tar-rieżami.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Frar 2025