"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-ministri għall-agrikoltura tal-UE adottaw konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030. Din l-istrateġija hija waħda mill-elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, tibni fuq l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità u ser ikollha sehem ewlieni fl-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill irrikonoxxa r-rwol essenzjali li għandhom il-foresti fit-tranżizzjoni tal-UE lejn bijoekonomija ċirkolari ekoloġika, newtrali għall-klima u kompetittiva. Il-ministri laqgħu l-enfasi tal-istrateġija l-ġdida fuq il-promozzjoni ta' prodotti sostenibbli bbażati fuq l-injam u l-proposta biex tiġi stabbilita sħubija ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-forestrija.
Madankollu, il-Kunsill saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-importanza li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali fil-qasam tal-forestrija u tal-ġestjoni tal-foresti. Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza tal-inklużjoni ta' dimensjoni internazzjonali mmirata lejn it-trażżin tad-deforestazzjoni globali.
Bħala wieħed mill-pajjiżi l-aktar mimlija foresti fl-Ewropa, is-Slovenja dejjem apprezzat l-importanza tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti. Il-konklużjonijiet tal-lum jirriflettu l-ħtieġa li l-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu flimkien u jadottaw approċċ bilanċjat sabiex jilqgħu l-isfidi bla preċedent li qed jiffaċċjaw il-foresti tagħna, waqt li fl-istess ħin jipproteġu l-komunitajiet li l-għajxien tagħhom jiddependi mir-riżorsi tal-foresti.
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni u l-istati membri, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar is-sitwazzjoni tas-suq għall-prodotti agrikoli. Għalkemm is-settur agroalimentari tal-UE kien, b'mod ġenerali, għaddej tajjeb, l-istati membri enfasizzaw għadd ta' tħassib, b'mod partikolari l-impatt fuq l-agrikoltura taż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, tal-input u tal-għalf. Id-delegazzjoni Litwana tkellmet ukoll biex tippreżenta dikjarazzjoni komuni f'isem erbatax-il delegazzjoni fejn titlob miżuri eċċezzjonali urġenti ta' appoġġ tal-UE għas-settur tal-laħam tal-majjal skont ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq. Suġġetti oħra diskussi inkludew l-impatt tal-kundizzjonijiet tat-temp, il-mard veterinarju bħad-deni Afrikan tal-ħnieżer u l-influwenza avjarja, u t-tfixkil potenzjali fil-futur għar-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi mhux tal-UE.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-progress li sar fil-konsultazzjonijiet dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet kondiviżi mar-Renju Unit għall-2022, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni. Il-ministri pprovdew gwida politika lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE matul in-negozjati li għaddejjin.
Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, il-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-istokkijiet tal-ħut kondiviżi ser isiru kull sena skont il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Ir-rwol tal-Kunsill huwa li jipprovdi gwida lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-UE fil-konsultazzjonijiet, filwaqt li jirċievi aġġornamenti regolari dwar il-progress tan-negozjati.
Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-Ġimgħa tal-Pollinaturi tal-UE tal-2021, li saret bejn is-27 u t-30 ta' Settembru. Dan l-avveniment ta' erbat ijiem laqqa' flimkien kelliema mill-Kummissjoni, mill-Parlament Ewropew u mill-amministrazzjonijiet tal-istati membri, kif ukoll akkademiċi u rappreżentanti tal-NGOs. L-avveniment esplora modi biex tiżdied l-azzjoni tal-UE biex jitreġġa' lura t-tnaqqis tad-dakkara sal-2030. Fost ir-rakkomandazzjonijiet imressqa kien hemm il-ħtieġa li jissaħħu l-komunikazzjoni u d-djalogu transsettorjali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, inkluż billi jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati ewlenin u s-soċjetà ċivili.
Bħala parti minn dan l-avveniment, il-Kummissjoni organizzat workshop intitolat "Azzjonijiet tal-UE għad-dakkara f'pajsaġġi agrikoli", li involva partijiet ikkonċernati ewlenin mill-biedja, il-korpi ambjentali, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili. Il-workshop iġġenera għadd ta' proposti ta' politika konkreti li għandhom il-potenzjal li jinfurmaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tal-istati membri.
Il-protezzjoni tan-naħal u d-dakkara selvaġġi hija prijorità importanti tal-presidenza Slovena u ninsabu kuntenti bir-riżultat pożittiv ta' dan il-workshop. Ninsabu fiduċjużi li l-proposti mressqa ser ikunu ta' benefiċċju għall-istati membri fl-abbozzar tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom.
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Affarijiet oħrajn
Matul il-laqgħa, il-ministri rċevew informazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-konferenza reċenti mill-għalqa sal-platt, il-pjan ta' kontinġenza għall-iżgurar tal-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel, u t-12-il konferenza ministerjali tad-WTO. Id-delegazzjonijiet ipprovdew ukoll informazzjoni dwar l-attività vulkanika f'La Palma, kwistjonijiet li jittrattaw il-popolazzjonijiet tal-orsijiet kannella u l-ilpup f'ċerti reġjuni, u l-pjanijiet strateġiċi tal-PAK.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.