- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 10 ta' Mejju 2022 17:05
Sri Lanka: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-aħħar żviluppi
L-Unjoni Ewropea (UE) u s-27 stat membru tagħha qed jissorveljaw mill-qrib l-iżviluppi fis-Sri Lanka. L-UE tikkundanna l-attakk kiefer reċenti kontra dimostranti paċifiċi f'Colombo, li wassal għal aktar vjolenza wara xahar ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi wrew, minkejja xi inċidenti iżolati, li l-poplu tas-Sri Lanka jista' jeżerċita b'mod paċifiku d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni. L-UE tiddeplora t-telf ta' ħajjiet, inkluż ta' Membru tal-Parlament, u l-għadd kbir ta' persuni midruba.
L-UE tappella lill-awtoritajiet biex jibdew investigazzjoni dwar l-avvenimenti u biex iżommu responsabbli lil dawk li jinstigaw jew iwettqu vjolenza. L-UE tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex iżommu lura mill-vjolenza u biex jeżerċitaw trażżin.
L-UE tfakkar fl-importanza li jiġu salvagwardjati d-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini kollha, u li ssir enfasi fuq soluzzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi sinifikanti li bħalissa qed jiffaċċa l-poplu tas-Sri Lanka.
Matul dawn l-aħħar ftit xhur l-UE pprovdiet assistenza umanitarja, inkluż għat-trattament tal-kriżi tal-COVID u l-isfidi li jirriżultaw minnha, u qed tħares b'mod attiv lejn modi kif timmitiga aktar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-aktar persuni vulnerabbli.
Il-Pajjiżi Kandidati l-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija1), il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.
1)Il-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Nabila Massrali Kelliem temporanju tas-SEAE
- +32 2 29 88093
- +32 460 79 52 44
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 31 ta' Jannar 2024