Summit ta' livell għoli tad-donaturi tal-Alleanza Gavi: saħħa u prosperità permezz tal-immunizzazzjoni
L-Unjoni Ewropea u l-Fondazzjoni Gates, flimkien ma' Gavi, l-alleanza għall-vaċċini, ospitaw b'mod konġunt is-"Summit Globali: saħħa u prosperità permezz tal-immunizzazzjoni" fil-25 ta' Ġunju 2025 f'BOZAR, iċ-Ċentru tal-Belle Arti, fi Brussell.
Is-summit, b'appoġġ għall-istrateġija 2026-2030 ta' Gavi, kien pass importanti biex jiġi appoġġat il-proċess ta' rikostituzzjoni tal-alleanza billi ġabar 'il fuq minn €7.7 biljun għall-perjodu 2026-2030.
Dan l-impenn, permezz ta' Gavi, ser ilaqqam 500 miljun tifel u tifla oħra, isalva aktar minn 8 miljun ruħ, jipproteġi kontra sa 150 tifqigħa ta' mard, isaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa globali, u jagħti aktar minn $100 biljun f'benefiċċji ekonomiċi. Ser jikkontribwixxi wkoll għall-espansjoni tal-manifattura reġjonali sostenibbli madwar id-dinja, inkluż fl-Afrika.
L-avveniment laqqa' flimkien mexxejja globali minn gvernijiet, organizzazzjonijiet sħab u manifatturi tal-vaċċini, mis-soċjetà ċivili u s-settur privat, biex jiġu żgurati investimenti kruċjali fil-programmi ta' tilqim.
Is-summit afferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tavvanza s-solidarjetà globali u tibni sħubijiet sostenibbli ma' pajjiżi li jeħtieġu s-sigurtà tas-saħħa. Indika wkoll l-isforzi sodi tal-Ewropa biex iżżomm is-saħħa globali fuq quddiem fl-aġenda internazzjonali u biex tixpruna l-aċċess ekwu għal tilqim li jsalva l-ħajja, f'konformità mal-missjoni ta' Gavi.
Dinja aktar b'saħħitha hija dinja aktar sikura. Dinja aktar ekwa hija dinja aktar paċifika. L-investiment fil-vaċċini huwa wieħed mill-aħjar investimenti li nistgħu nagħmlu fil-paċi globali. Issa wasal iż-żmien li nespandu n-network tagħna ta' sħab u donaturi. Għaliex, fis-saħħa, ħadd mhu sikur qabel kulħadd ikun sikur.
António Costa, President tal-Kunsill Ewropew
- Il-mexxejja dinjija jimpenjaw ruħhom mill-ġdid għall-immunizzazzjoni fost nuqqas ta' finanzjament globali (stqarrija konġunta għall-istampa mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Fondazzjoni Gates u GAVI, 26 ta' Ġunju 2025)
- Diskors mill-President António Costa fis-Summit ta' Livell Għoli tad-Donaturi ta' Gavi 2025, 25 ta' Ġunju 2025
- Summit globali: Saħħa u prosperità permezz tal-immunizzazzjoni (is-sit web ta' Gavi)
L-impenn tal-UE għas-solidarjetà globali fil-qasam tas-saħħa
L-UE għandha sħubija ma' Gavi li ilha teżisti u li tħalli impatt, wara li mill-2003 impenjat ruħha li tagħti aktar minn €3.2 biljun b'kollox, inkluż l-impenn antiċipat tas-suq tal-COVAX u l-istrumenti finanzjarji tal-BEI.
L-UE u l-istati membri tagħha, f'approċċ ta' Tim Ewropa, jibqgħu kollettivament l-akbar kontributur ta' Gavi, b'total ta' aktar minn €6.5 biljun għal Gavi 5.0 (2021–2025).
Fis-Summit, l-UE għamlet wegħda ta' aktar minn €2 biljun għal GAVI 6.0 (2026-2030) bħala Tim Ewropa.
Kuntest
Gavi, l-alleanza għall-vaċċini, ittrasformat l-isforzi globali ta' immunizzazzjoni. Laqqmet aktar minn 1.1 biljun tifel u tifla, salvat aktar minn 18.8 miljun ħajja minn mard prevenibbli u tat spinta lill-innovazzjonijiet trasformattivi kemm fil-mekkaniżmi ta' finanzjament kif ukoll fl-għoti u d-domanda tal-vaċċini.
Dawn l-isforzi ġġeneraw aktar minn $250 biljun f'benefiċċji ekonomiċi u antiċipaw aktar minn 100 tifqigħa.
Kuntatti għall-istampa
Contacts
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
-
Carlo Zarcone Press officer
- +32 471 33 31 73
- +32 2 281 70 66
- @carlozarconeeu
L-aħħar reviżjoni: 30 ta' Ġunju 2025