"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-mexxejja tal-UE u s-sħab soċjali ltaqgħu fi Brussell għas-summit soċjali tripartitiku. It-tema ewlenija tas-summit soċjali kienet: Nagħtu t-tweġibiet it-tajba għall-isfidi tal-kompetittività tal-Ewropa - kif nistgħu nagħmlu l-Ewropa l-post ideali għall-investimenti industrijali li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi ta' kwalità?
Il-parteċipanti intervenew dwar it-tliet suġġetti li ġejjin:
ir-restawr ta' kondizzjonijiet ekwivalenti, l-iżgurar ta' trasformazzjoni kompetittiva meħtieġa fis-setturi industrijali kollha u t-twettiq ta' tranżizzjoni ekonomikament soda u ġusta
l-Aġenda għall-Ħiliet: il-mobilizzazzjoni tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet biex jiġu indirizzati l-problemi tar-reklutaġġ u jitnaqqas id-distakk fl-aċċess għall-ħiliet u t-taħriġ tal-ħiliet
nagħmlu s-Suq Uniku aktar reżiljenti u nsegwu aġenda kummerċjali ambizzjuża biex nibnu ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna li tagħti riżultati għal kulħadd.
Illum il-kompetittività Ewropea tagħna hija prijorità ewlenija. Il-Kunsill Ewropew appella għal rispons rapidu, ambizzjuż u komprensiv fir-rigward tal-politika industrijali Ewropea. Filwaqt li naħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, jeħtieġ li nsaħħu l-kompetittività u t-tkabbir tagħna permezz tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tagħna, filwaqt li niġġeneraw impjiegi ta' kwalità, u niżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa' lura. Barra minn hekk, l-integrazzjoni ekonomika profonda tas-Suq Uniku tagħti spinta lill-kompetittività tal-esportazzjoni tal-UE u l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles jibqgħu mod ewlieni ta' ftuħ ta' swieq ġodda u ta' massimizzazzjoni tal-investiment fl-innovazzjoni. Fl-istess ħin, jeħtieġ li forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati ssir il-mutur tal-kompetittività Ewropea tagħna. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet hija opportunità biex l-iżvilupp tal-ħiliet jingħata l-prominenza li jistħoqqlu.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Kuntest
X'inhu s-Summit Soċjali Tripartitiku?
Is-Summit Soċjali Tripartitiku huwa forum għal djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fil-livell tal-presidenti u s-sħab soċjali Ewropej fl-ogħla livell ta' tmexxija. Is-summit jiġi kopresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Is-sħab soċjali parteċipanti fil-livell Ewropew jinkludu:
BusinessEurope
il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU)
SGI Europe (assoċjazzjoni ta' intrapriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali)
SMEunited (assoċjazzjoni ta' artiġjanat u ta' SMEs fl-Ewropa)
Eurocadres
Għall-presidenza b'rotazzjoni, attenda l-Prim Ministru tal-Iżvezja, Ulf Kristersson.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.