"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-mexxejja tal-UE u s-sħab soċjali ltaqgħu fi Brussell għas-Summit Soċjali Tripartitiku. It-tema ewlenija tas-summit kienet "Nerġgħu nqiegħdu l-Ewropa fit-triq it-tajba f'ambjent ġeopolitiku diffiċli bħala post attraenti, kompetittiv u favorevoli għall-investiment li jipproteġi u joħloq impjiegi ta' kwalità".
Il-parteċipanti ddiskutew il-kwistjonijiet li ġejjin:
it-tisħiħ tal-UE fl-ambjent ġeopolitiku diffiċli
it-tqegħid mill-ġdid tal-Ewropa fit-triq it-tajba bħala post attraenti għan-negozju u l-investiment biex nirfdu l-mudell Ewropew tagħna u impjiegi ta' kwalità
Il-punti li tqajmu matul id-diskussjoni inkludew l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp tal-ħiliet, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħolqien u ż-żamma ta' impjiegi ta' kwalità għolja kif ukoll fir-rigward tal-kompetittività ġenerali tal-UE. Il-parteċipanti ddiskutew ukoll l-impatt kontinwu tas-sitwazzjoni ġeopolitika, inkluż il-gwerra fl-Ukrajna u ż-żieda fit-tariffi kummerċjali, u l-importanza mhux biss li tinżamm l-għaqda interna fid-dawl ta' dawn l-isfidi, iżda wkoll li jinbnew alleanzi b'saħħithom ma' sħab esterni.
Suġġetti oħra koperti matul is-summit inkludew il-ħtieġa li jsir investiment fis-servizzi pubbliċi addizzjonalment għad-difiża; ir-rilevanza tal-politika ta' koeżjoni biex tiżdied il-kompetittività tal-UE; il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-"skuntentezza soċjali" u li ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jħossuhom aktar ottimisti dwar il-futur; u r-rwol kruċjali li għandu n-negozjar kollettiv.
Djalogu b'saħħtu bejn it-trade unions u l-impjegaturi — fil-livell Ewropew, nazzjonali u dak lokali — huwa fil-qalba tal-mudell soċjali Ewropew tagħna. Hekk kif l-ekonomiji tagħna jgħaddu minn trasformazzjonijiet kbar, dan id-djalogu huwa aktar essenzjali minn qatt qabel biex jitrawmu impjiegi ta' kwalità, tingħata spinta lill-kompetittività tagħna, u jinbena futur aktar reżiljenti u sostenibbli flimkien.
António Costa, President tal-Kunsill Ewropew
Sfond
X'inhu s-Summit Soċjali Tripartitiku?
Is-Summit Soċjali Tripartitiku huwa forum għal djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fil-livell tal-presidenti u s-sħab soċjali Ewropej fl-ogħla livell ta' tmexxija. Is-summit jiġi kopresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Is-sħab soċjali parteċipanti fil-livell Ewropew jinkludu:
BusinessEurope
il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU)
SGI Europe (assoċjazzjoni ta' intrapriżi li jipprovdu servizzi ta' interess ġenerali)
SMEunited (assoċjazzjoni ta' artiġjanat u ta' SMEs fl-Ewropa)
Eurocadres (kunsill tal-persunal professjonali u maniġerjali Ewropew)
F'isem il-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE, il-Ministru għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea tal-Polonja, Adam Szłapka, u l-Ministru għall-Familja, ix-Xogħol u l-Politika Soċjali tal-Polonja, Agnieszka Dziemianowicz-Bąk, ħadu sehem ukoll fil-laqgħa.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.