Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 15 ta' Ġunju 2015 13:00

Protezzjoni tad-Data: Il-Kunsill jaqbel dwar approċċ ġenerali

Fil-15 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali rigward ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data li jistabbilixxi regoli adattati għall-era diġitali. Iż-żewġ għanijiet ta’ dan ir-regolament huma li jsaħħaħ il-livell tal-protezzjoni tad-data personali għall-individwi u li jżid l-opportunitajiet kummerċjali tas-Suq Uniku Diġitali. 

Il-ministru għall-ġustizzja tal-Latvja Dzintars Rasnačs qal: "Illum imxejna pass kbir 'il quddiem lejn qafas modernizzat u armonizzat dwar il-protezzjoni tad-data għall-Unjoni Ewropea. Ninsab kuntent ħafna li wara aktar minn 3 snin ta’ negozjati fl-aħħar sibna kompromess dwar it-test. Ir-regolament il-ġdid dwar il-protezzjoni tad-data, adattat għall-ħtiġijiet tal-era diġitali, ser isaħħaħ id-drittijiet individwali taċ-ċittadini tagħna u jiżgura standard għoli ta’ protezzjoni.” 

Approċċ ġenerali ifisser li l-Kunsill għandu ftehim politiku li abbażi tiegħu issa jista' jibda negozjati mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jintlaħaq qbil ġenerali rigward ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. L-ewwel trilogu mal-Parlament huwa ppjanat għall-24 ta’ Ġunju 2015

“Napprezza ferm li l-Parlament Ewropew lest jibda n-negozjati tat-trilogu mill-ġimgħa d-dieħla stess. Nittama li naslu għal ftehim finali malajr sabiex iċ-ċittadini tagħna jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tar-riforma mill-aktar fis possibbli ", qal il-ministru għall-ġustizzja tal-Latvja Dzintars Rasnačs

Il-Presidenza li jmiss tal-Lussemburgu indikat li, b’mod parallel man-negozjati dwar ir-regolament, il-ħidma fuq id-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi għandha tiġi aċċellerata bil-għan li jinstab approċċ ġenerali f’Ottubru. Il-ministru għall-ġustizzja tal-Lussemburgu Felix Braz qal: "Din ir-riforma hija pakkett u aħna determinati li nikkonkludu sal-aħħar ta' din is-sena".

Elementi prinċipali tal-ftehim 

Livell ogħla ta’ protezzjoni tad-data 

Id-data personali għandha tinġabar u tiġi pproċessata b’mod legali skont kondizzjonijiet stretti u għal skop leġittimu. Il-kontrolluri tad-data (dawk li huma responsabbli għall-ipproċessar tad-data) għandhom jirrispettaw regoli speċifiċi, bħar-rekwiżit ta' kunsens mingħajr ambigwità mis-suġġett tad-data (l-individwu li tiegħu tkun qed tiġi pproċessata d-data personali), biex ikunu permessi jipproċessaw data personali. 

Drittijiet imsaħħa tal-protezzjoni tad-data jagħtu lis-suġġetti tad-data aktar kontroll fuq id-data personali tagħhom: 

  • aċċess aktar faċli għad-data tagħhom.
  • informazzjoni aktar dettaljata dwar x'jiġri mid-data personali tagħhom ladarba huma jiddeċiedu li jipprovduha: il-kontrolluri tad-data għandhom ikunu aktar trasparenti dwar kif tiġi trattata d-data personali, pereżempju billi jinformaw lill-individwi dwar il-politika tal-privatezza tagħha b'lingwaġġ ċar u sempliċi.
  • dritt għat-tħassir ta’ data personali u li “tintesa”, li permezz tiegħu kulħadd pereżempju jista' jitlob lil fornitur ta’ servizz biex iħassar, mingħajr dewmien, data personali li kienet inġabret meta l-individwu kien tifel.
  • dritt għal trasferibbiltà li jippermetti trasmissjoni aktar faċli ta' data personali minn fornitur ta' servizz wieħed, pereżempju netwerk soċjali, għal ieħor. Dan ser iżid ukoll il-kompetizzjoni fost il-fornituri ta' servizz.
  • limiti għall-użu ta’ 'profiling', jiġifieri l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali biex jiġu vvalutati aspetti personali, bħal pereżempju l-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, preferenzi personali eċċ.

 Sabiex jiġi żgurat rimedju legali mtejjeb, is-suġġetti tad-data ser ikunu jistgħu jitolbu li kwalunkwe deċiżjoni ta’ awtorità tal-protezzjoni tad-data tagħhom tiġi rieżaminata mill-qorti nazzjonali tagħhom, irrispettivament mill-istat membru fejn il-kontrollur tad-data jkun stabbilit. 

Aktar opportunitajiet kummerċjali fis-Suq Uniku Diġitali 

Is-sett uniku ta’ regoli, li huwa validu madwar l-UE kollha u applikabbli kemm għal kumpaniji Ewropej kif ukoll għal dawk mhux Ewropej li joffru s-servizzi online tagħhom fl-UE għandu jimpedixxi li konflitti fir-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data jkunu jistgħu jfixklu l-iskambju transkonfinali ta’ data. Barra minn hekk, kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet superviżorji tal-istati membri ser tiżgura applikazzjoni koerenti ta’ dawk ir-regoli fl-UE kollha. Dan ser joħloq kompetizzjoni ġusta u jinkoraġġixxi lill-kumpaniji, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex jisfruttaw kemm jistgħu s-Suq Uniku Diġitali

Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u tingħata ċertezza legali, f’każijiet transnazzjonali importanti fejn ikunu involuti diversi awtoritajiet superviżorji nazzjonali, ser tittieħed deċiżjoni superviżorja unika. Dan il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz ser jippermetti li kumpanija b’sussidjarji f’diversi stati membri tillimita l-kuntatti tagħha għall-awtorità tal-protezzjoni tad-data fl-istat membru fejn tkun stabbilita. 

Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità, il-kontrolluri tad-data jistgħu, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskji involuti fl-ipproċessar tagħhom ta’ data personali, jiddefinixxu livelli ta’ riskji u jimplimentaw miżuri f’konformità ma’ dawk il-livelli. 

Aktar għodod u għodod aħjar biex isaħħu l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data 

Responsabbiltà u kontabbiltà akbar tal-kontrolluri tad-data, ser itejbu l-konformità mar-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data. Il-kontrolluri tad-data għandhom jimplimentaw miżuri ta’ sigurtà xierqa u jipprovdu, mingħajr dewmien żejjed, notifika ta’ ksur rigward data personali lill-awtorità superviżorja kif ukoll lil dawk affettwati b’mod sinifikanti mill-ksur. Il-kontrolluri u l-proċessuri jistgħu jaħtru uffiċjali tal-protezzjoni tad-data fl-organizzazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali tista' tirrikjedi li dawn jagħmlu hekk. 

Is-suġġetti tad-data, u wkoll, taħt ċerti kondizzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data jistgħu jressqu ilment quddiem awtorità superviżorja jew jitolbu rimedju ġudizzjarju f’każijiet fejn ir-regoli tal-protezzjoni tad-data ma jkunux rispettati. Barra minn hekk, meta każijiet bħal dawn jiġu kkonfermati, il-kontrolluri tad-data jġarrbu multi sa EUR 1 miljun jew 2% tad-dħul annwali globali tagħhom. 

Garanziji rigward trasferimenti ta’ data personali barra l-UE 

Il-protezzjoni tat-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali hija żgurata permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza. Il-Kummissjoni, bl-involviment tal-istati membri u tal-Parlament Ewropew, hija kompetenti biex tiddeċiedi jekk il-livell ta’ protezzjoni tad-data offrut minn pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali huwiex adegwat. F’każijiet fejn ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni bħal din, it-trasferiment ta’ data personali jista’ jsir biss jekk is-salvagwardji adatti (klawsoli standard għall-protezzjoni tad-data, regoli korporattivi vinkolanti, klawsoli kuntrattwali) ikunu fis-seħħ.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024