Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 15-16/06/2015, 15 u 16 ta' Ġunju 2015

Riżultati prinċipali

Protezzjoni tad-data

Illum imxejna pass importanti 'l quddiem lejn qafas modernizzat u armonizzat dwar il-protezzjoni tad-data għall-Unjoni Ewropea. Ninsab kuntent ħafna li wara aktar minn 3 snin negozjati, fl-aħħar sibna kompromess dwar it-test. Dzintars Rasnačs, Ministru għall-Ġustizzja tal-Latvja

Il-Kunsill laħaq qbil dwar it-test sħiħ tar-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data biex jibda negozjati mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jintlaħaq qbil b’mod ġenerali. 

Il-ministru għall-ġustizzja tal-Latvja Dzintars Rasnačs qal: "Illum imxejna pass importanti 'l quddiem lejn qafas modernizzat u armonizzat dwar il-protezzjoni tad-data għall-Unjoni Ewropea. Ninsab kuntent ħafna li wara aktar minn 3 snin negozjati, fl-aħħar sibna kompromess dwar it-test. Ir-regolament il-ġdid ser isaħħaħ sostanzjalment id-drittijiet individwali taċ-ċittadini tagħna li jikkontrollaw id-data li tikkonċernahom u jiżgura standard għoli ta’ protezzjoni. Nilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Parlament Ewropew jinsab lest biex jibda n-negozjati tat-trilogu mill-ġimgħa d-dieħla stess, li wieħed jittama ser ifisser li nistgħu naslu għal ftehim malajr." 

L-ewwel trilogu mal-Parlament huwa ppjanat għall-24 ta’ Ġunju 2015.

 Il-Presidenza li jmiss tal-Lussemburgu indikat li, b’mod parallel man-negozjati dwar ir-regolament, il-ħidma fuq id-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi ser titħaffef bil-għan li jinstab approċċ ġenerali f’Ottubru.

Kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni  

Il-Kunsill iddiskuta l-aspetti differenti tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-pakkett ta' implimentazzjoni tagħha. Il-biċċa l-kbira tad-delegazzjonijiet laqgħu n-natura komprensiva u trasversali tagħha kif ukoll it-taħlita tagħha ta' azzjonijiet immedjati biex jiġu indirizzati l-kriżijiet attwali u l-miżuri fit-tul proposti li għandhom iwasslu għall-istabbiliment ta' politika verament Ewropea dwar il-migrazzjoni.  

Illum intlaħaq qbil komuni fost id-delegazzjonijiet li jeħtieġ li nipprovdu appoġġ lil dawk l-istati membri li huma milquta l-aktar mill-pressjoni migratorja.” Rihards Kozlovskis, Ministru għall-Intern tal-Latvja 

Il-ministru għall-intern tal-Latvja, Rihards Kozlovskis qal: “Illum intlaħaq qbil komuni fost id-delegazzjonijiet li jeħtieġ li nipprovdu appoġġ lil dawk l-istati membri li huma milquta l-aktar mill-pressjoni migratorja. Fl-istess ħin irid jiġi rikonoxxut li għad hemm opinjonijiet differenti dwar id-dettalji tal-proposti tal-Kummissjoni għar-rilokazzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil. Għad fadal ħidma xi ssir biex niksbu ftehim li jista’ jiġi implimentat fil-prattika. Is-soluzzjoni trid tkun waħda prattika.” 

Il-ministri stiednu lill-korpi preparatorji tal-Kunsill biex ikomplu b'dawn id-diskussjonijiet bil-għan li tinkiseb implimentazzjoni sħiħa mill-aktar fis possibbli. Il-Presidenza ser tfassal rapport għall-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju dwar ir-riżultati ta’ dawn id-diskussjonijiet.

 

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu 

Il-Kunsill iddiskuta l-implimentazzjoni tal-miżuri li jinsabu fid-dikjarazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu li ħarġu l-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE fi Frar wara l-attakki terroristiċi fit-territorju Ewropew.

Il-ministri qiesu l-progress li sar u kellhom skambju ta’ fehmiet dwar kif jistgħu jiġu avvanzati l-prijoritajiet miftehma.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna Mġedda għall-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2015-2020.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025