- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 9 ta' Lulju 2015 15:00
Baġit tal-UE għall-2016: Il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu
Fid-9 ta’ Lulju 2015, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ baġit tal-UE għall-2016, abbażi ta’ test ta’ kompromess tal-presidenza tal-Lussemburgu.
Prijoritajiet tal-Kunsill
Il-Kunsill appoġġa l-fondi proposti mill-Kummissjoni għal għadd ta’ oqsma ta’ prijorità. Dawn jinkludu l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) immirati biex jagħtu spinta lill-ekonomija, miżuri biex jiġu ġestiti l-flussi migratorji, l-għajnuna umanitarja u Erasmus. Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti wkoll il-pjan ta’ pagament maqbul mal-Parlament Ewropew f’Mejju 2015 biex jintemmu gradwalment it-talbiet ta’ pagament pendenti għall-programmi ta’ koeżjoni 2007-2013.
"Ninsab fiduċjuż li l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit tal-UE għall-2016 tipprovdi riżorsi adegwati għall-mobilizzazzjoni ta' investimenti produttivi, biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi u biex twieġeb għall-bżonnijiet politikament l-aktar urġenti bħall-ġestjoni migratorja. Fl-ekonomija tal-lum huwa ta’ importanza kbira li ċ-ċittadini jiksbu valur għal flushom u li r-riżorsi tal-UE jintużaw b'mod mirqum u responsabbli. Għalhekk nemmen li l-ftehim politiku tal-Kunsill joħloq bilanċ tajjeb bejn il-konsolidazzjoni fiskali u l-investimenti strateġiċi li l-Ewropa teħtieġ biex jittaffew l-effetti negattivi tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali", qale Pierre Gramegna, ministru għall-finanzi tal-Lussemburgu u President tal-Kunsill.
Iż-żamma ta’ marġini
Minħabba l-bosta sfidi li qed tiffaċċja l-UE fl-ambjent politiku u ekonomiku attwali, il-Kunsill iqis li jkun għaqli li jinżamm marġini finanzjarju suffiċjenti. Għalhekk tħallew marġini adegwati taħt il-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) biex l-UE tkun tista' tirreaġixxi f'każ ta' sitwazzjonijiet mhux previsti. Fuq il-bażi taċ-ċifri għall-eżekuzzjoni tal-baġit f’dawn l-aħħar snin u filwaqt li jiġu stabbiliti kapaċitajiet realistiċi ta’ assorbiment għall-futur, il-Kunsill jemmen li €153.27 biljun f’impenji u €142.12 biljun f’pagamenti se jippermettu lill-UE biex fl-2016 tilħaq l-għanijiet tal-politika tagħha. Dan huwa €563.6 miljun f’impenji u €1.4 biljun f’pagamenti anqas minn dak li pproponiet il-Kummissjoni.
Rati ta’ tkabbir għolja għall-politika esterna, il-migrazzjoni u l-kompetittività
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tipprevedi għal tnaqqis f’impenji totali ta’ 5.36% u żieda f’pagamenti totali ta’ 0.59% meta mqabbel mal-baġit tal-UE għall-2015 kif emendat bil-baġits emendatorji numri 1 sa 5. Impenji ta’ €16.5 biljun ġew miżjuda reċentement għall-baġit tal-2015 bħala salvagwardja għall-approprjazzjonijiet li baqgħu ma ntużawx fl-2014 minħabba l-adozzjoni tard ta’ ċerti programmi tal-QFP. Fir-rigward tal-pagamenti, il-pożizzjoni tal-Kunsill toffri rati ta’ tkabbir b’żewġ ċifri għal azzjonijiet tal-politika esterna (+22.5 %)u għal miżuri relatati mas-sigurtà u ċ-ċittadinanza, bħall-migrazzjoni (+15.4%). Ir-riċerka u miżuri oħra mmirati sabiex tiżdied il-kompetittività jibbenefikaw minn żieda ta’ 8.6%
Sommarju tal-abbozz tal-pożizzjoni tal-Kunsill jinsab fit-tabella hawn taħt:
| Approprjazzjonijiet skont l-intestatura | biljun € | |
| impenji | pagamenti | |
1. Tkabbir intelliġenti u inklużiv: a) Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi b) Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali | 69.6 18.8 50.8 | 65.9 17.1 48.8 |
2. Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali: li minnhom hemm nefqa relatata mas-suq u pagamenti diretti | 62.9 42.7 | 55.6 42.7 |
| 3. Sigurtà u ċittadinanza: | 2.6 | 2.2 |
| 4. Ewropa Globali: | 8.7 | 9.1 |
| 5. Nefqa amministrattiva (għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE) | 8.9 | 8.9 |
| Strumenti speċjali: | 0.5 | 0.4 |
| Approprjazzjoni totali | 153.3 | 142.1 |
| F’% tal-DNG tal-UE-28 | 1.04 | 0.97 |
Il-passi li jmiss
Il-Kunsill huwa mistenni jadotta formalment il-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ proċedura bil-miktub fil-bidu ta’ Settembru. Din se sservi bħala mandat għall-Presidenza tal-Lussemburgu biex tinnegozja l-baġit tal-UE tal-2016 mal-Parlament Ewropew.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024