Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 18 ta' Diċembru 2015 17:30

Riforma tal-protezzjoni tad-data tal-UE: il-Kunsill jikkonferma ftehim mal-Parlament Ewropew

Fit-18 ta' Diċembru 2015, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) ikkonferma t-testi ta' kompromess maqbula mal-Parlament Ewropew dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-data. Il-ftehim intlaħaq bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni fil-15 ta' Diċembru. Dan il-ftehim huwa f'konformità mat-talba mill-Kunsill Ewropew biex in-negozjati dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-data jiġu konklużi sa tmiem l-2015.

Félix BRAZ, Ministru Lussemburgiż għall-Ġustizzja u President tal-Kunsill qal: "Huwa ftehim fundamentali b'konsegwenzi importanti. Din ir-riforma mhux biss issaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini, iżda tadatta wkoll ir-regoli għall-era diġitali għall-kumpaniji, filwaqt li tnaqqas il-piż amministrattiv. Dawn huma testi ambizzjużi u progressivi. Jista' jkollna fiduċja sħiħa fir-riżultat."  

Ir-riforma tal-protezzjoni tad-data hija pakkett leġislattiv propost mill-Kummissjoni fl-2012 biex jiġu aġġornati u modernizzati r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.  Hija tikkonċerna żewġ strumenti leġislattivi: ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (maħsub biex jissostitwixxi d-direttiva 95/46/KE) u d-direttiva tal-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi (maħsuba biex tissostitwixxi d-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni ta' data personali tal-2008). 

Il-protezzjoni ta' persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom hija dritt fundamentali stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (l-Artikolu 8) u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 16).

Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data

Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data għandu l-għan li jsaħħaħ il-livell tal-protezzjoni tad-data għall-individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata u li jżid l-opportunitajiet kummerċjali fis-suq uniku diġitali inkluż permezz ta' piż amministrattiv imnaqqas. 

Livell ogħla tal-protezzjoni tad-data

Il-prinċipji u r-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali ta' individwi jridu jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali. Dawn id-drittijiet għall-protezzjoni ta' data msaħħa jagħtu lis-suġġetti tad-data (l-individwi li d-data personali tagħhom qiegħda tiġi pproċessata) aktar kontroll fuq id-data personali tagħhom: 

  • regoli aktar speċifiċi li jippermettu lil kontrolluri tad-data (dawk responsabbli għall-ipproċessar ta' data) jipproċessaw data personali, inkluż permezz tar-rekwiżit għall-kunsens tal-individwi kkonċernati.
  • aċċess eħfef għad-data personali tagħhom.
  • informazzjoni aħjar dwar x'jiġri lid-data personali ladarba tiġi kondiviża. Dan jinkludi li l-individwi jiġu infurmati b'lingwaġġ ċar u sempliċi dwar il-politika tal-privatezza tagħhom, li jista' jsir ukoll permezz ta' stampi standardizzati.
  • dritt għat-tħassir tad-data personali u d-dritt "li tkun minsi". Dan jippermetti, pereżempju, li s-suġġetti jirrikjedu t-tneħħija, mingħajr dewmien, tad-data personali miġbura jew ippubblikata fuq netwerk soċjali meta l-individwu jkun għadu minuri.
  • jekk żagħżugħ ta' inqas minn 16-il sena jixtieq juża servizzi online, il-fornitur ta' servizz irid jipprova jivverifika li ngħata l-kunsens tal-ġenituri. L-istati membri jistgħu jbaxxu dan il-limitu tal-età mingħajr ma jmorru taħt it-tlettax-il sena.
  • dritt għal trasferibbiltà li jiffaċilita t-trasmissjoni ta' data personali minn fornitur ta' servizz wieħed, bħal netwerk soċjali, għal ieħor. Dan mhux biss ser iżid id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data iżda ser isaħħaħ ukoll kompetizzjoni fost il-fornituri ta' servizz.
  • dritt ta' oġġezzjoni għall-ipproċessar ta' data personali relatata mal-interess pubbliku jew mal-interessi leġittimi ta' kontrollur. Dan id-dritt ikopri l-użu ta' data personali għal finijiet ta' 'tfassil ta' profil'.
  • salvagwardji komuni li jkopru l-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar meta dan huwa fl-interess pubbliku u għal finijiet ta' riċerka xjentifika u storika jew ta' statistika.

Sabiex tiġi żgurata l-prossimità ta' rimedju legali, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li deċiżjoni tal-awtorità tal-protezzjoni tad-data tagħhom tiġi rieżaminata mill-qorti nazzjonali tagħhom, irrispettivament mill-istat membru fejn il-kontrollur tad-data jkun stabbilit. 

Aktar opportunitajiet kummerċjali fis-suq uniku diġitali

Ir-regolament jipprovdi sett ta' regoli uniku, li huwa validu madwar l-UE u applikabbli kemm għal kumpaniji Ewropej kif ukoll għal kumpaniji mhux Ewropej li joffru servizzi online fl-UE. Dan jevita sitwazzjoni fejn regoli nazzjonali konfliġġenti dwar il-protezzjoni tad-data jistgħu jfixklu l-iskambju transkonfinali ta' data. Huwa jipprovdi wkoll aktar kooperazzjoni bejn stati membri biex tkun żgurata applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-data madwar l-UE. Dan ser joħloq kompetizzjoni ġusta u ser jinkoraġġixxi lill-kumpaniji, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, biex jiksbu l-massimu possibbli mis-suq uniku diġitali. 

Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u tingħata ċertezza legali, f'każijiet transkonfinali importanti fejn ikunu involuti diversi awtoritajiet superviżorji nazzjonali tittieħed deċiżjoni superviżorja unika. Dan il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz jippermetti lil kumpanija, li tkun attiva f'diversi stati membri, tittratta biss mal-awtorità tal-protezzjoni tad-data fl-istat membru tal-istabbiliment prinċipali tagħha. Dan il-mekkaniżmu jipprovdi wkoll deċiżjoni unika applikabbli għat-territorju kollu tal-UE f'każ ta' tilwim. 

Bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, ir-regolament japplika approċċ ibbażat fuq ir-riskju: il-kontrolluri tad-data jistgħu jimplimentaw miżuri skont ir-riskju involut fl-operazzjonijiet ta' pproċessar ta' data li huma jwettqu. Negozji differenti għandhom attivitajiet differenti u r-riskji ta' tali attivitajiet f'termini ta' privatezza jistgħu jvarjaw. Ir-regolament ma jipprovdi l-ebda soluzzjoni "waħda tajba għal kulħadd": aktar m'huma kbar ir-riskji tal-attivitajiet għad-data personali, aktar huma stretti l-obbligi. 

Aktar għodod ta' kwalità aħjar biex tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data

Ir-regolament jipprovdi firxa ta' miżuri biex jiżdiedu r-responsabbiltà u l-akkontabilità tal-kontrolluri tad-data sabiex tkun żgurata konformità sħiħa mar-regoli l-ġodda tal-protezzjoni tad-data. Il-kontrolluri tad-data jridu jimplimentaw għadd ta' miżuri ta' sigurtà, inkluż ir-rekwiżit f'ċerti każijiet li jinnotifikaw ksur ta' data personali. Sabiex ir-regolament jibqa' validu għall-ġejjieni, il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mit-tfassil u b'mod awtomatiku huma introdotti. L-awtoritajiet pubbliċi u dawk il-kumpaniji li jwettqu ċertu pproċessar ta' data riskjuż iridu jaħtru uffiċjal għall-protezzjoni tad-data li jiżgura l-konformità mar-regoli. 

Is-suġġetti tad-data u, f'ċerti kondizzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data jistgħu jressqu lment quddiem awtorità superviżorja jew jitolbu rimedju ġudizzjarju f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data. Il-kontrolluri tad-data jistgħu jġarrbu multi massimi sa €20 miljun jew 4% tad-dħul annwali globali tagħhom. 

Garanziji dwar it-trasferiment ta' data personali barra l-UE

Ir-regolament jistabbilixxi r-regoli għat-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. It-trasferimenti jistgħu jseħħu dment li jiġu sodisfatti numru ta' kondizzjonijiet u salvagwardji, b'mod partikolari meta l-Kummissjoni tkun iddeċidiet li jeżisti livell adegwat ta' protezzjoni. Id-deċiżjonijet ta' adegwatezza l-ġodda ser ikollhom jiġu rieżaminati tal-anqas kull erba' snin. Id-deċiżjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet ta' adegwatezza eżistenti jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra.   

Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi

Din id-direttiva għandha l-għan li tipproteġi d-data personali pproċessata għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom. 

Huwa kruċjali li jiġi żgurat livell konsistenti u għoli tal-protezzjoni tad-data personali tal-individwi filwaqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' data personali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar fl-istati membri differenti. 

Kamp ta' applikazzjoni usa'

Minbarra li tkopri attivitajiet li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, id-direttiva ġdida ġiet estiża biex tkopri s-salvagwardja u l-prevenzjoni tat-theddidiet għas-sigurtà pubblika. 

Id-direttiva l-ġdida tkun tapplika kemm għall-ipproċessar transkonfinali ta' data personali kif ukoll għall-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji fuq livell purament nazzjonali. Id-deċiżjoni qafas, li ser tiġi sostitwita, kopriet biss l-iskambju ta' data transkonfinali. 

Drittijiet tas-suġġett tad-data

Ir-regoli joħolqu bilanċ bejn id-dritt għall-privatezza u l-ħtieġa li l-pulizija ma tikxifx id-data li tkun qiegħda tiġi pproċessata fl-istadju bikri ta' investigazzjoni. Madankollu, it-test jelenka l-informazzjoni li s-suġġett tad-data huwa dejjem intitolat li jirċievi sabiex jipproteġi d-dritt tiegħu jekk jissuspetta li seħħ ksur tad-drittijiet tad-data tiegħu. 

Ir-regoli l-ġodda ser ikopru t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. 

Konformità

Id-direttiva l-ġdida tipprevedi li jiġi maħtur uffiċjal għall-protezzjoni tad-data biex jgħin lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data. 

Għodda oħra biex tiġi żgurata l-konformità hija l-valutazzjoni tal-impatt. Meta huwa probabbli li tip ta' pproċessar jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi, l-awtoritajiet kompetenti jridu jwettqu valutazzjoni tal-impatt potenzjali ta' ċertu pproċessar, b'mod partikolari meta tintuża teknoloġija ġdida.   

Monitoraġġ u kumpens

It-test tad-direttiva huwa allinjat mat-test tar-regolament sabiex jiżgura li b'mod ġenerali japplikaw l-istess prinċipji ġenerali. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-awtorità superviżorja huma fil-parti l-kbira simili għax l-awtorità superviżorja stabbilita fir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data ġenerali tista' tindirizza wkoll kwistjonijiet li jaqgħu taħt din id-direttiva. Id-direttiva l-ġdida ser tagħti wkoll lis-suġġetti tad-data d-dritt li jirċievu kumpens jekk ikunu sofrew dannu bħala konsegwenza ta' pproċessar li ma jkunx irrispetta r-regoli.                        

PASSI LI JMISS

Fis-17 ta' Diċembru, f'laqgħa straordinarja, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) tal-Parlament Ewropew approva t-testi maqbula fit-trilogi. Dan l-appoġġ ippermetta lill-Coreper biex illum jikkonferma t-testi ta' kompromess finali dwar ir-regolament u d-direttiva. Wara reviżjoni tat-testi mill-ġuristi lingwisti, huma ser jiġu ppreżentati għall-adozzjoni mill-Kunsill u, sussegwentement, mill-Parlament. Huwa probabbli li r-regolament u d-direttiva ser jidħlu fis-seħħ fir-rebbiegħa tal-2018.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024