- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' April 2016 16:20
Riforma tal-protezzjoni tad-data: il-Kunsill jadotta pożizzjoni fl-ewwel qari
Fit-8 ta’ April 2016, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-data, li twitti t-triq għall-adozzjoni finali tal-pakkett leġislattiv mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja tiegħu f’April.
Din l-adozzjoni formali ġiet wara l-kompromess li ntlaħaq qbil dwaru mal-Parlament Ewropew f’Diċembru 2015.
Wara din l-adozzjoni, il-ministru għall-Ġustizzja Olandiż, Ard van der Steur qal: “Għandi l-impenn mill-Parlament Ewropew li permezz ta’ dan ser jista’ jkun hemm vot kemm dwar il-pakkett tal-protezzjoni tad-data kif ukoll id-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri f’April. L-attakki fi Brussell tat-22 ta’ Marzu għal darb’oħra ssottolinjaw l-urġenza tal-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri.”
Ir-riforma tal-protezzjoni tad-data hija pakkett leġislattiv bil-għan li jaġġorna u jimmodernizza r-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data. Hija tinkludi żewġ strumenti leġislattivi: ir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data ġenerali (maħsub biex jieħu post id-direttiva 95/46/KE) u d-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi (maħsuba biex tieħu post id-deċiżjoni qafas dwar il-protezzjoni ta' data personali tal-2008).
Regolament dwar il-protezzjoni tad-data (Infografika)
Il-protezzjoni ta' persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom hija dritt fundamentali stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (l-Artikolu 8) u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 16).
Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data
Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data għandu l-għan li jsaħħaħ il-livell tal-protezzjoni tad-data għall-individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata u li jżid l-opportunitajiet kummerċjali fis-suq uniku diġitali inkluż permezz ta' piż amministrattiv imnaqqas.
Livell ogħla tal-protezzjoni tad-data
Il-prinċipji u r-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali ta' individwi jridu jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali. Dawn id-drittijiet għall-protezzjoni ta' data msaħħa jagħtu lis-suġġetti tad-data (l-individwi li d-data personali tagħhom qiegħda tiġi pproċessata) aktar kontroll fuq id-data personali tagħhom:
- regoli aktar speċifiċi li jippermettu lil kontrolluri tad-data (dawk responsabbli għall-ipproċessar ta' data) jipproċessaw data personali, inkluż permezz tar-rekwiżit għall-kunsens tal-individwi kkonċernati.
- aċċess eħfef għad-data personali tagħhom.
- informazzjoni aħjar dwar x'jiġri lid-data personali ladarba tiġi kondiviża. Dan jinkludi li l-individwi jiġu infurmati b'lingwaġġ ċar u sempliċi dwar il-politika tal-privatezza tagħhom, li jista' jsir ukoll permezz ta' stampi standardizzati.
- dritt għat-tħassir tad-data personali u d-dritt "li tkun minsi". Dan jippermetti, pereżempju, li s-suġġetti jirrikjedu t-tneħħija, mingħajr dewmien, tad-data personali miġbura jew ippubblikata fuq netwerk soċjali meta l-individwu jkun għadu minuri.
- jekk żagħżugħ ta' inqas minn 16-il sena jixtieq juża servizzi online, il-fornitur ta' servizz irid jipprova jivverifika li ngħata l-kunsens tal-ġenituri. L-istati membri jistgħu jbaxxu dan il-limitu tal-età mingħajr ma jmorru taħt it-tlettax-il sena.
- dritt għal trasferibbiltà li jiffaċilita t-trasmissjoni ta' data personali minn fornitur ta' servizz wieħed, bħal netwerk soċjali, għal ieħor. Dan mhux biss ser iżid id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data iżda ser isaħħaħ ukoll kompetizzjoni fost il-fornituri ta' servizz.
- dritt ta' oġġezzjoni għall-ipproċessar ta' data personali relatata mal-interess pubbliku jew mal-interessi leġittimi ta' kontrollur. Dan id-dritt ikopri l-użu ta' data personali għal finijiet ta' 'tfassil ta' profil'.
- salvagwardji komuni li jkopru l-ipproċessar ta' data personali għal finijiet ta' arkivjar meta dan huwa fl-interess pubbliku u għal finijiet ta' riċerka xjentifika u storika jew ta' statistika.
Sabiex tiġi żgurata l-prossimità ta' rimedju legali, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li deċiżjoni tal-awtorità tal-protezzjoni tad-data tagħhom tiġi rieżaminata mill-qorti nazzjonali tagħhom, irrispettivament mill-istat membru fejn il-kontrollur tad-data jkun stabbilit.
Aktar opportunitajiet kummerċjali fis-suq uniku diġitali
Ir-regolament jipprovdi sett ta' regoli uniku, li huwa validu madwar l-UE u applikabbli kemm għal kumpaniji Ewropej kif ukoll għal kumpaniji mhux Ewropej li joffru servizzi online fl-UE. Dan jevita sitwazzjoni fejn regoli nazzjonali konfliġġenti dwar il-protezzjoni tad-data jistgħu jfixklu l-iskambju transkonfinali ta' data. Huwa jipprovdi wkoll aktar kooperazzjoni bejn stati membri biex tkun żgurata applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-data madwar l-UE. Dan ser joħloq kompetizzjoni ġusta u ser jinkoraġġixxi lill-kumpaniji, speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, biex jiksbu l-massimu possibbli mis-suq uniku diġitali.
Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u tingħata ċertezza legali, f'każijiet transkonfinali importanti fejn ikunu involuti diversi awtoritajiet superviżorji nazzjonali tittieħed deċiżjoni superviżorja unika. Dan il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz jippermetti lil kumpanija, li tkun attiva f'diversi stati membri, tittratta biss mal-awtorità tal-protezzjoni tad-data fl-istat membru tal-istabbiliment prinċipali tagħha. Dan il-mekkaniżmu jipprovdi wkoll deċiżjoni unika applikabbli għat-territorju kollu tal-UE f'każ ta' tilwim.
Bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, ir-regolament japplika approċċ ibbażat fuq ir-riskju: il-kontrolluri tad-data jistgħu jimplimentaw miżuri skont ir-riskju involut fl-operazzjonijiet ta' pproċessar ta' data li huma jwettqu. Negozji differenti għandhom attivitajiet differenti u r-riskji ta' tali attivitajiet f'termini ta' privatezza jistgħu jvarjaw. Ir-regolament ma jipprovdi l-ebda soluzzjoni ġenerali għal kollox: aktar m'huma kbar ir-riskji tal-attivitajiet għad-data personali, aktar huma stretti l-obbligi.
Aktar għodod u għodod aħjar biex tiġi infurzata l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data
Ir-regolament jipprovdi firxa ta' miżuri biex jiżdiedu r-responsabbiltà u l-akkontabilità tal-kontrolluri tad-data sabiex tkun żgurata konformità sħiħa mar-regoli l-ġodda tal-protezzjoni tad-data. Il-kontrolluri tad-data jridu jimplimentaw għadd ta' miżuri ta' sigurtà, inkluż ir-rekwiżit f'ċerti każijiet li jinnotifikaw ksur ta' data personali. Sabiex ir-regolament jibqa' validu għall-ġejjieni, il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mit-tfassil u b'mod awtomatiku huma introdotti. L-awtoritajiet pubbliċi u dawk il-kumpaniji li jwettqu ċertu pproċessar ta' data riskjuż iridu jaħtru uffiċjal għall-protezzjoni tad-data li jiżgura l-konformità mar-regoli.
Is-suġġetti tad-data u, f'ċerti kondizzjonijiet, l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data jistgħu jressqu lment quddiem awtorità superviżorja jew jitolbu rimedju ġudizzjarju f'każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data. Il-kontrolluri tad-data jistgħu jġarrbu multi massimi sa €20 miljun jew 4% tad-dħul annwali globali tagħhom.
Garanziji dwar it-trasferiment ta' data personali barra l-UE
Ir-regolament jistabbilixxi r-regoli għat-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. It-trasferimenti jistgħu jseħħu dment li jiġu sodisfatti numru ta' kondizzjonijiet u salvagwardji, b'mod partikolari meta l-Kummissjoni tkun iddeċidiet li jeżisti livell adegwat ta' protezzjoni. Id-deċiżjonijet ta' adegwatezza l-ġodda ser ikollhom jiġu rieżaminati tal-anqas kull erba' snin. Id-deċiżjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet ta' adegwatezza eżistenti jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew imħassra.
Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi
Din id-direttiva għandha l-għan li tipproteġi d-data personali pproċessata għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom.
Huwa kruċjali li jiġi żgurat livell konsistenti u għoli tal-protezzjoni tad-data personali tal-individwi filwaqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' data personali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar fl-istati membri differenti.
Kamp ta' applikazzjoni usa'
Minbarra li tkopri attivitajiet li għandhom bħala għan il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, id-direttiva ġdida ġiet estiża biex tkopri s-salvagwardja u l-prevenzjoni tat-theddidiet għas-sigurtà pubblika.
Id-direttiva l-ġdida tkun tapplika kemm għall-ipproċessar transkonfinali ta' data personali kif ukoll għall-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji fuq livell purament nazzjonali. Id-deċiżjoni qafas, li ser tiġi sostitwita, kopriet biss l-iskambju ta' data transkonfinali.
Drittijiet tas-suġġett tad-data
Ir-regoli joħolqu bilanċ bejn id-dritt għall-privatezza u l-ħtieġa li l-pulizija ma tikxifx id-data li tkun qiegħda tiġi pproċessata fl-istadju bikri ta' investigazzjoni. Madankollu, it-test jelenka l-informazzjoni li s-suġġett tad-data huwa dejjem intitolat li jirċievi sabiex jipproteġi d-dritt tiegħu jekk jissuspetta li seħħ ksur tad-drittijiet tad-data tiegħu.
Ir-regoli l-ġodda ser ikopru t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.
Konformità
Id-direttiva l-ġdida tipprevedi li jiġi maħtur uffiċjal għall-protezzjoni tad-data biex jgħin lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data.
Għodda oħra biex tiġi żgurata l-konformità hija l-valutazzjoni tal-impatt. Meta huwa probabbli li tip ta' pproċessar jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi, l-awtoritajiet kompetenti jridu jwettqu valutazzjoni tal-impatt potenzjali ta' ċertu pproċessar, b'mod partikolari meta tintuża teknoloġija ġdida.
Monitoraġġ u kumpens
It-test tad-direttiva huwa allinjat mat-test tar-regolament sabiex jiżgura li b'mod ġenerali japplikaw l-istess prinċipji ġenerali. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-awtorità superviżorja huma fil-parti l-kbira simili għax l-awtorità superviżorja stabbilita fir-regolament dwar il-protezzjoni tad-data ġenerali tista' tindirizza wkoll kwistjonijiet li jaqgħu taħt din id-direttiva. Id-direttiva l-ġdida tagħti wkoll lis-suġġetti tad-data d-dritt li jirċievu kumpens jekk ikunu sofrew dannu bħala konsegwenza ta' pproċessar li ma jkunx irrispetta r-regoli.
Il-Passi li Jmiss
Il-Parlament Ewropew huwa mistenni jivvota fit-tieni qari fis-sessjoni plenarja l-ġimgħa d-dieħla, nhar il-Ħamis 14 ta’ April, biex b’hekk japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi u jtemm il-proċess leġislattiv.
Wara, it-testi legali ser jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.
- Regolament dwar il-protezzjoni tad-data: pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
- Regolament dwar il-protezzjoni tad-data: dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet tal-Kunsill
- Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data: pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
- Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data: dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet tal-Kunsill
- Riforma tal-protezzjoni tad-data
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024