Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 6 ta' Ġunju 2016 12:30

EUCAP Sahel Mali: L-UE żżid il-baġit tal-missjoni bi kważi EUR 5 miljun

Fis-6 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill żied il-baġit ta’ EUCAP Sahel Mali b’EUR 4 925 000, biex b’hekk il-baġit totali tal-missjoni għall-2016 jammonta għal EUR 19-il miljun. Din il-missjoni ċivili tal-UE tappoġġa lit-tliet forzi interni tas-sigurtà tal-Mali: il-pulizija, il-ġendarmerija u l-gwardja nazzjonali.

Wara inċidenti fis-sigurtà f'Bamako, b'mod partikolari l-attakk kontra l-lukanda Radisson ta' Novembru 2015, u l-attakk ta' Marzu 2016 kontra l-bażi ta' EUTM Mali, il-Kunsill iddeċieda li jżid il-baġit ta' EUCAP Sahel Mali. Dan għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-missjoni biex tappoġġa r-riforma tas-settur tas-sigurtà tal-Mali u jiżgura li l-persunal tal-missjoni jkun protett permezz ta' miżuri xierqa ta' sigurtà.

EUCAP Sahel Mali tappoġġa l-istat tal-Mali fl-iżgurar tal-ordni kostituzzjonali u demokratiku u tal-kondizzjonijiet għal paċi dejjiema kif ukoll biex l-istat iżomm l-awtorità tiegħu fit-territorju kollu. Il-missjoni tipprovdi taħriġ u konsulenza strateġika lill-pulizija, il-ġendarmerija u l-gwardja nazzjonali tal-Mali kif ukoll lill-ministeri rilevanti sabiex tappoġġa r-riforma fis-settur tas-sigurtà. Il-missjoni hija parti mill-approċċ komprensiv tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel. Hemm żewġ missjonijiet oħra tal-PSDK fir-reġjun: EUTM Mali li tikkontribwixxi għar-ristrutturazzjoni u r-riorganizzazzjoni tal-Forzi Armati tal-Mali permezz ta' taħriġ u konsulenza u EUCAP Sahel Niger li tappoġġa l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

EUCAP Sahel Mali tnediet fil-15 ta' April 2014. Il-Kap tal-Missjoni huwa s-Sur Albrecht Conze, mill-Ġermanja. Il-mandat tiegħu ġie estiż reċentement sal-14 ta' Jannar 2017. Il-kwartieri ġenerali tal-missjoni jinsabu f'Bamako, il-Mali.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024