"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija, 06-07/06/2016, 6 u 7 ta' Ġunju 2016

Riżultati ewlenin

Enerġija

Din il-proposta hija pass kbir li ser isaħħaħ it-trasparenza u l-konsistenza tar-relazzjonijiet esterni tal-UE fil-qasam tal-enerġija. L-għan huwa li jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet fil-mekkaniżmu attwali għall-iskambju ta’ informazzjoni u noqorbu lejn l-Unjoni tal-Enerġija. Ser ittejjeb aktar il-funzjonament korrett tas-suq intern tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea.” Henk Kamp, Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi Netherlandiż u president tal-laqgħa

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali rigward il-proposta għal deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ftehimiet intergovernattivi (IGA) u ta’ strumenti li ma jorbtux bejn stati membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija.

L-għan tad-deċiżjoni proposta - wieħed mill-elementi fundamentali tal-Istrateġija għall-Unjoni tal-Enerġija - hu li jitjiebu t-trasparenza u l-konsistenza tar-relazzjonijiet tal-UE fl-enerġija esterna u li tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjar ma’ pajjiżi terzi. Ser tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament korrett tas-suq intern tal-enerġija.

Il-kompromess milħuq kien ibbażat fuq l-elementi li ġejjin:

  • il-Kummissjoni ser twettaq valutazzjoni tal-IGAs relatati mal-gass qabel ma dawn jiġu ffirmati,
  • l-istati membri għandhom iżommu lill-Kummissjoni aġġornata kemm qabel jinbdew kif ukoll matul in-negozjati ta’ kull IGA,
  • l-istati membri jistgħu jitolbu l-valutazzjoni preċedenti għal IGAs oħrajn mhux relatati mal-gass,
  • kull IGA mhux relatat mal-gass għandu jiġi notifikat lill-Kummissjoni “mar-ratifika”,
  • strumenti li ma jorbtux mhux ser ikollhom jiġu notifikati.

Il-qbil dwar l-approċċ ġenerali ser jippermetti lill-Kunsill jiftaħ negozjati mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb tal-adozzjoni finali tal-proposta.

Il-Kunsill iddiskuta l-proposta għal regolament rivedut dwar miżuri li jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-gass.

L-għan prinċipali tal-proposta hu li jiġi minimizzat l-impatt ta’ interruzzjoni potenzjali fil-provvista tal-gass billi titjieb il-kooperazzjoni bejn l-istati membri u billi nibbażaw fuq il-kisbiet tas-suq intern tal-enerġija. Għandha l-għan ukoll li żżid il-fiduċja u s-solidarjetà fil-livell reġjonali u dak tal-UE.

Id-dibattitu ffoka fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:

  • Titjib fil-kooperazzjoni u l-koordinament reġjonali,
  • Prinċipju ġdid ta’ solidarjetà li ser ikollu applikazzjoni mandatorja f’każijiet ta’ kriżi estrema,
  • Rekwiżiti ta’ trasparenza, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kuntratti kummerċjali fit-tul li jikkonċernaw il-gass.

Trasport

Il-Kunsill adotta mandati li ser jippermettu lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar ftehimiet komprensivi għat-trasport bl-ajru ma’ erba’ sħab ewlenin: l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), l-Emirati Għarab Magħquda, il-Qatar u t-Turkija. Ladarba jiġu konklużi, dawn il-ftehimiet ser jieħdu post il-ftehimiet bilaterali dwar l-avjazzjoni li l-istati membri għandhom bħalissa ma’ dawn il-pajjiżi.

Illum ħadna passi importanti biex nagħtu spinta lis-saħħa kompetittiva u s-sostenibbiltà tas-settur tat-trasport Ewropew. Il-Kunsill qabel dwar regoli ġodda għan-navigazzjoni interna, adotta erba’ mandati ġodda dwar l-avjazzjoni u ddiskuta approċċ komuni biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet mill-karozzi li jaħdmu bid-diżil.” Melanie Schultz van Haegen, Ministru għall-Infrastruttura u l-Ambjent Netherlandiża u president tal-laqgħa tal-Kunsill

Il-Kunsill qabel ukoll dwar approċċ ġenerali għar-regoli ġodda li jikkonċernaw ir-rikonoxximent ta'kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna. L-abbozz ta’ direttiva jistabbilixxi sistema uniformi ta’ ċertifikazzjoni madwar l-UE għall-ekwipaġġ kollu, mill-apprendisti sal-kaptani tal-bastimenti. Ser joħloq prospetti aħjar tal-karriera u jippromwovi l-mobbiltà fl-impjiegi minn naħa għal oħra tal-fruntieri.

Il-ministri kellhom dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) mill-karozzi li jaħdmu bid-diżil. Il-ministri kienu tal-fehma li għandhom isiru sforzi biex jiċċaraw l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti dwar apparati ta’ manipulazzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ NOx mill-vetturi. Flimkien ma’ dan, bħalissa qed jiġu riveduti r-regoli rilevanti għall-approvazzjoni tat-tip u ninsabu qrib l-introduzzjoni ta’ testijiet obbligatorji għall-“emissjonijiet f’sewqan reali”.

Barra minn hekk, il-ministri ddiskutew il-kontribut tal-UE għat-taħditiet li għaddejjin fl-ICAO dwar miżura bbażata fuq is-suq globali biex jonqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali, bi tħejjija għall-Assemblea tal-ICAO li jmiss. Il-Kunsill ħa nota wkoll tal-progress li sar fuq proposta għal reviżjoni tal-qafas regolatorju attwali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, li tinkludi l-ewwel regoli li qatt saru għall-UE dwar l-użu ta’ droni u dispożizzjonijiet ġodda importanti dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà marbuta mas-sikurezza.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025