- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' Lulju 2016 16:17
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Turkija
L-UE tikkundanna bil-qawwa t-tentattiv ta' kolp ta' stat li sar fit-Turkija u ttenni l-appoġġ sħiħ tagħha għall-istituzzjonijiet leġittimi tal-pajjiż. Hija tiddeplora n-numru għoli ta' mwiet u tesprimi s-solidarjetà tagħha mal-poplu Tork. L-UE tilqa' l-pożizzjoni komuni tal-partiti politiċi li jappoġġaw id-demokrazija tat-Turkija.
L-UE tappella biex jintwera trażżin mill-awtoritajiet Torok, inkluż mill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà. Għandu jsir dak kollu possibbli biex tiġi evitata aktar vjolenza, biex jitħarsu l-ħajjiet u jerġa' jkun hemm il-kalma.
L-UE tappella għar-rispett sħiħ tal-ordni kostituzzjonali tat-Turkija u tisħaq fuq l-importanza li jipprevali l-istat tad-dritt. Huwa kruċjali li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għall-istituzzjonijiet demokratiċi kollha tal-pajjiż inklużi l-gvern elett u l-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija. L-UE tissottolinja l-ħtieġa tar-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u d-dritt ta' kull persuna għal smigħ xieraq f'konformità sħiħa mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, inkluż il-Protokoll 13 dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt. F'dan il-kuntest, l-UE tfakkar li ċ-ċaħda inekwivoka tal-piena tal-mewt hija element essenzjali tal-acquis tal-Unjoni.
It-Turkija hija pajjiż kandidat u sieħba ewlenija għall-Unjoni Ewropea. L-UE tibqa' impenjata li taħdem flimkien ma' Turkija demokratika, inklużiva u stabbli biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni tagħna.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024