Skip to content
  • Kunsill Ewropew
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 29 ta' Marzu 2017 14:00

Dikjarazzjoni mill-Kunsill Ewropew (Art. 50) dwar in-notifika mir-Renju Unit

Dikjarazzjoni mill-Kunsill Ewropew 1

Illum, il-Kunsill Ewropew irċieva ittra mingħand il-Prim Ministru Brittaniku, Theresa May, li tinnotifika l-intenzjoni tar-Renju Unit li jħalli l-Unjoni Ewropea. Din in-notifika ssegwi r-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016 u tibda l-proċess ta’ ħruġ skont l-Artikolu 50 tat-Trattat. Jiddispjaċina li r-Renju Unit ser iħalli l-Unjoni Ewropea, iżda aħna lesti għall-proċess li issa ser ikollna nsegwu.

Għall-Unjoni Ewropea, l-ewwel pass issa ser ikun l-adozzjoni mill-Kunsill Ewropew ta’ linji gwida għan-negozjati. Dawn il-linji gwida ser jistabbilixxu l-pożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali li fid-dawl tagħhom l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, ser tinnegozja mar-Renju Unit.

F’dawn in-negozjati l-Unjoni ser taġixxi bħala entità waħda u ser tippreserva l-interessi tagħha. L-ewwel prijorità tagħna ser tkun li tiġi minimizzata l-inċertezza kkawżata mid-deċiżjoni tar-Renju Unit għaċ-ċittadini, in-negozji u l-Istati Membri tagħna. Għalhekk, aħna ser nibdew billi niffukaw fuq l-arranġamenti prinċipali kollha għal ħruġ ordnat.

Aħna ser nersqu għal dawn it-taħditiet b’mod kostruttiv u ser nagħmlu ħilitna biex insibu ftehim. Fil-futur, nittamaw li jkollna lir-Renju Unit bħala sieħeb qrib tagħna.

Il-President Tusk sejjaħ laqgħa tal-Kunsill Ewropew fid-29 ta’ April 2017.

 1 Wara n-notifika skont l-Artikolu 50 TUE, il-membru tal-Kunsill Ewropew li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun ħiereġ ma għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew jew f’deċiżjonijiet li jkunu jikkonċernawh.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024