- Kunsill Ewropew
- Diskors
- 30 ta' Marzu 2017 14:30
Diskors mill-President Donald Tusk waqt il-kungress tal-PPE tal-2017 f'Malta
Għeżież ħbieb, ninsab ċert li s'issa xbajtu tisimgħu diskorsi, u għalhekk ippermettuli naqsam riflessjoni waħda biss, iżda li fl-opinjoni tiegħi hija waħda ewlenija.
Ħamest ijiem ilu f’Ruma, eżatt qabel ma ffirmajt id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, jien għidt, "L-Ewropa bħala entità politika jew ser tkun magħquda, jew ma tkun xejn affattu. Ewropa magħquda biss tista’ tkun Ewropa sovrana għall-bqija tad-dinja. U Ewropa sovrana biss tiggarantixxi l-indipendenza għan-nazzjonijiet tagħha, tiggarantixxi l-libertà għaċ-ċittadini tagħha. L-unità tal-Ewropa mhijiex mudell burokratiku. Huwa sett ta’ valuri komuni u standards demokratiċi. Illum mhuwiex biżżejjed li nappellaw għall-unità u li nipprotestaw kontra veloċitajiet multipli. Huwa ħafna iktar importanti li aħna lkoll nirrispettaw ir-regoli komuni tagħna bħad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, il-libertà ta’ espressjoni u l-libertà tal-għaqda, il-kontrolli u l-bilanċi, u l-istat tad-dritt. Dan huwa l-pedament veru tal-għaqda tagħna".
U lbieraħ, eżatt wara li rċevejt l-ittra mill-Prim Ministru Theresa May, li invokat l-Artikolu 50, għidt li “b’mod paradossali, hemm ukoll xi ħaġa pożittiva fil-Brexit. Il-Brexit għamlitna, il-komunità ta' 27, aktar determinati u aktar magħqudin minn qabel. Ninsab fiduċjuż għalkollox minn dan, speċjalment wara d-Dikjarazzjoni ta' Ruma, u nista' ngħid li ser nibqgħu determinati u magħqudin ukoll fil-ġejjieni, anke matul in-negozjati diffiċli li għandna quddiemna.
Dawk iż-żewġ dikjarazzjonijiet huma konnessi bi ħsieb wieħed, b'konvinzjoni waħda: li s-sigriet tal-futur tagħna jinsab fl-unità u s-sovranità tal-Ewropa. Fis-snin reċenti, l-Ewropej - minn Varsavja sa Londra, minn Ateni sa Helsinki - ingħataw x'jifhmu li Ewropa li tintegra hija theddida għas-sovranità nazzjonali u statali.
Li l-Unjoni Ewropea, li Brussell, qed jitolbu tnaqqis tal-patrijottiżmu. Li, hekk kif nintegraw fl-UE, irridu bilfors nissagrifikaw is-sovranità tagħna. Li qed nitilfu l-kontroll fuq id-destin tagħna stess, hekk kif aħna niddelegaw parti mis-setgħat tagħna lill-Komunità Ewropea. Li bit-tisħiħ ta’ din il-komunità, aħna inevitabbilment indgħajfu dik nazzjonali. Li qed isir dejjem aktar u aktar diffiċli li wieħed jirrikonċilja l-fatt li aħna Ewropej kif ukoll patrijotti. Fil-fatt dan kien wieħed mit-temi ewlenin tal-kampanji kontra l-UE fir-Renju Unit, u f’bosta postijiet oħra. Prattikament fl-Ewropa kollha.
Din il-fehma turi nuqqas ta' għaqal u hija wkoll perikoluża. Il-missjoni tagħna għandha tkun li lill-Ewropej inġegħluhom jirrealizzaw li huwa eżattament l-oppost. Li UE b’saħħitha, li kapaċi tkun sovrana fir-rigward tad-dinja esterna, kapaċi tipproteġi l-katalgu tagħha tal-valuri u l-kultura, kapaċi tipproteġi l-fruntieri esterni tagħha, hija l-aħjar, u forsi l-unika garanzija tas-sovranità nazzjonali u statali. Id-dinja tal-lum neħħiet l-illużjoni li kulħadd jixtieq jikkopja l-istandards kulturali u politiċi Ewropej. Il-kriżi tal-migrazzjoni, l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, l-avvenimenti fit-Turkija, il-Brexit u bosta avvenimenti oħra juru li l-proklamazzjoni tat-“tmiem tal-istorja”, il-proklamazzjoni tat-trijonf aħħari tad-demokrazija liberali, il-paċi u l-ordni internazzjonali, irriżultaw li huma - biex ma ngħidux ħafna - esaġerati. Għal patrijotti razzjonali u responsabbli li jridu jżommu s-sovranità u l-indipendenza tan-nazzjonijiet u l-istati tagħhom, m’hemmx alternattiva oħra għajr Ewropa unita u sovrana.
Għandna nisfidaw lill-populisti. Għandna ngħidu ċar u tond li l-nazzjonaliżmi u s-separatiżmi li jippruvaw idgħajfu l-UE huma l-oppost tal-patrijottiżmu modern. Dawk li jattakkaw l-unità Ewropea, jheddu wkoll il-komunitajiet tagħhom stess, u jdgħajfu s-sovranità tal-istat tagħhom stess.
Kliem bħal sigurtà, sovranità, dinjità u kburija għandhom jerġgħu lura fid-dizzjunarju politiku tagħna. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex, f’dibattitu pubbliku, l-estremisti u l-populisti għandu jkollhom monopolju fuq dawn it-termini. Illum huma qed jieħdu vantaġġ, b'mod effiċjenti u ċiniku, mill-beżgħat soċjali u l-inċertezza, filwaqt li jibnu l-mudell tagħhom stess ta’ sigurtà fuq preġudizzju, awtoritarjaniżmu u mibegħda organizzata. It-tweġiba tagħna trid tkun ċara u deċiżiva.
L-ewwel nett, ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn id-demokrazija liberali u l-ħtieġa għall-ordni u s-sigurtà. Huma biss is-soċjetajiet ħielsa u li jħarsu l-liġijiet li jistgħu ikunu sikuri tassew.
It-tieni nett, ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn Ewropa li hija integrata u sovrana fir-rigward tad-dinja esterna, u l-indipendenza tan-nazzjonijiet u l-pajjiżi tagħna. Għall-kuntrarju: aktar ma tkun magħquda l-Ewropa, aktar tkun sovrana, u għalhekk kapaċi tipproteġi nazzjonijiet sovrani.
It-tielet nett, il-moderazzjoni, is-sens komun u r-razzjonaliżmu politiku ma humiex f’kontradizzjoni mal-qawwa, il-kuraġġ u d-determinazzjoni. In-nies iridu awtorità li hija għaqlija, morali u b'saħħitha fl-istess ħin. U dan huwa r-rwol xieraq għall-PPE. Dan huwa r-rwol tiegħek. Grazzi.
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024