- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Mejju 2019 12:10
Is-Sirja: l-UE ġġedded b'sena s-sanzjonijiet kontra r-reġim
Fis-17 ta' Mejju 2019, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan sal-1 ta' Ġunju 2020. F'konformità mal-istrateġija tal-UE għas-Sirja, l-UE ddeċidiet li żżomm il-miżuri restrittivi tagħha kontra r-reġim Sirjan u s-sostenituri tiegħu minħabba li r-ripressjoni tal-popolazzjoni ċivili qed tkompli.
Il-Kunsill neħħa wkoll ħames persuni mejta mil-lista, kif ukoll entità waħda li ma baqgħetx teżisti u entità waħda li għaliha ma kienx hemm aktar raġunijiet biex tinżamm taħt miżuri restrittivi. Il-lista issa tinkludi 269 persuna u 69 entità fil-mira ta' projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi minħabba li huma responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, li jibbenefikaw mir-reġim jew jappoġġawh, u/jew huma assoċjati ma' persuni jew entitajiet bħal dawn.
B'mod aktar ġenerali, is-sanzjonijiet fis-seħħ bħalissa kontra s-Sirja jinkludu embargo fuq iż-żejt, restrizzjonijiet fuq ċerti investimenti, iffriżar tal-assi tal-bank ċentrali Sirjan miżmuma fl-UE, restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir u teknoloġija li jistgħu jintużaw għar-repressjoni interna kif ukoll fuq tagħmir u teknoloġija għall-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni ta' komunikazzjoni bit-telefon jew bl-internet.
L-UE għadha impenjata li ssib soluzzjoni politika dejjiema u kredibbli għall-kunflitt fis-Sirja kif definita fir-riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u fil-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024