Sirja
L-UE tappoġġa lill-poplu Sirjan. Hija tappoġġa tranżizzjoni paċifika u inklużiva fis-Sirja, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-irkupru soċjoekonomiku tal-pajjiż.
Relazzjonijiet imġedda mas-Sirja
Wara l-waqgħa tar-reġim kriminali ta' Al-Assad fl-2024 u żviluppi politiċi oħra fis-Sirja, l-UE ħadet passi importanti biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mas-Sirja, inkluż:
- l-applikazzjoni sħiħa mill-ġdid tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja (2026)
- is-sospensjoni tas-sanzjonijiet ekonomiċi kollha, għajr dawk ibbażati fuq raġunijiet ta' sigurtà (2025)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja
Il-politika tal-UE lejn is-Sirja hija ggwidata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2025, li fihom l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tappoġġa lill-poplu Sirjan u li tappoġġa tranżizzjoni paċifika u inklużiva, immexxija mis-Sirjani u bi sjieda Sirjana biex tgħin fil-bini ta' futur aħjar għas-Sirjani kollha.
L-UE hija lesta taħdem mal-gvern tranżizzjonali f'fora reġjonali u multilaterali, u tħeġġeġ lill-atturi esterni kollha mingħajr eċċezzjoni jirrispettaw b'mod sħiħ l-għaqda, l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tas-Sirja.
L-UE tikkundanna kwalunkwe azzjoni u preżenza militari barranija unilaterali, u kwalunkwe tentattiv li jdgħajfu l-istabbiltà u l-prospetti tas-Sirja għal tranżizzjoni paċifika, inkluż permezz ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin.
Applikazzjoni sħiħa mill-ġdid tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja
F'Mejju 2026, il-Kunsill iddeċieda li jtemm is-sospensjoni parzjali tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u s-Sirja, introdott fl-2011 b'reazzjoni għar-repressjoni tal-popolazzjoni Sirjana u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mir-reġim ta' Al-Assad.
Il-ftehim ta' kooperazzjoni, konkluż fl-1977, jipprovdi l-qafas għar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u s-Sirja. Fost affarijiet oħra, dan ineħħi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni mill-UE ta' ċerti prodotti Sirjani, fosthom iż-żejt, il-prodotti petroliferi, id-deheb, il-metalli prezzjużi u d-djamanti.
Sospensjoni tas-sanzjonijiet ekonomiċi kontra s-Sirja
F'Mejju 2025, l-UE neħħiet is-sanzjonijiet ekonomiċi kollha li jikkonċernaw is-Sirja, bl-eċċezzjoni ta' dawk ibbażati fuq raġunijiet ta' sigurtà, inkluż armi u teknoloġiji li jistgħu jintużaw għal repressjoni interna.
L-UE żammet is-sanzjonijiet relatati mar-reġim ta' Al-Assad f'konformità mas-sejħa tagħha għall-irfigħ tar-responsabbiltà għall-awturi ta' delitti, u tkompli ssegwi l-iżviluppi fuq il-post.
Djalogu politiku ta' livell għoli bejn l-UE u s-Sirja
L-ewwel djalogu politiku ta' livell għoli bejn l-UE u s-Sirja sar fi Brussell f'Mejju 2026. Id-djalogu kien opportunità biex isir progress lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Sirja u biex jiġi diskuss l-appoġġ tal-UE għall-isforzi tal-awtoritajiet tranżizzjonali Sirjani lejn l-istabbilizzazzjoni, l-irkupru soċjoekonomiku u t-tranżizzjoni politika inklużiva tas-Sirja.
L-assistenza tal-UE lis-Sirjani
Aktar minn 15-il sena ta' kunflitt fis-Sirja kkawżaw tbatija immensa fuq il-popolazzjoni ċivili u ħolqu waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji fid-dinja.
L-ispostament kontinwu, il-kollass tas-servizzi essenzjali, u l-qerda estensiva tal-infrastruttura ħallew 15.6-il miljun persuna fi bżonn urġenti ta' assistenza umanitarja fl-2026. Dan ifisser li 6 Sirjani minn kull 10 jeħtieġu assistenza umanitarja
5.5 miljun persuna huma spostati internament u aktar minn 3.6 miljun refuġjat Sirjan huma rreġistrati f'pajjiżi ġirien (it-Turkija, il-Libanu, il-Ġordan).
Aktar minn 13.3-il miljun persuna m'għandhomx sigurtà tal-ikel. Kważi 2.7 miljun tifel u tifla ma jmorrux skola.
L-UE u l-istati membri tagħha huma d-donaturi ewlenin ta' għajnuna internazzjonali lil dawk milquta mill-kunflitt fis-Sirja. Minn meta bdiet il-kriżi fl-2011, l-UE u l-istati membri tagħha mobilizzaw aktar minn €41 biljun f'appoġġ lis-Sirjani, kemm ġewwa l-pajjiż kif ukoll fir-reġjun kollu.
Dan il-finanzjament ikopri l-għajnuna umanitarja li ssalva l-ħajjiet, is-servizzi bażiċi, bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u l-irkupru u r-rikostruzzjoni soċjoekonomiċi fit-tul.
L-għajnuna titwassal permezz ta' sħab umanitarji, bħall-NGOs, aġenziji tan-NU u l-Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, li jipprovdu kura tas-saħħa, assistenza għall-ikel, ilma, servizzi ta' sanità u iġjene, protezzjoni, kenn u edukazzjoni lill-persuni l-aktar vulnerabbli.
Is-sanzjonijiet kontra r-reġim ta' Al-Assad
L-Unjoni Ewropea ssospendiet il-kooperazzjoni bilaterali kollha tagħha mal-gvern tas-Sirja u s-sostenituri tiegħu f'Mejju 2011, wara l-eskalazzjoni tal-vjolenza u s-sitwazzjoni inaċċettabbli tad-drittijiet tal-bniedem.
Bejn l-2011 u l-2024, l-UE adottat miżuri restrittivi kontra r-reġim ta' Al-Assad. Madankollu, wara l-waqgħa tar-reġim, fl-24 ta' Frar 2025 l-UE ssospendiet għadd ta' sanzjonijiet, inkluż fil-qasam tal-enerġija, it-trasport u t-tranżazzjonijiet finanzjarji, sabiex tiffaċilita d-djalogu mal-pajjiż, il-poplu u n-negozji tiegħu.
Fit-28 ta' Mejju 2025, l-UE neħħiet is-sanzjonijiet ekonomiċi kollha fuq is-Sirja, għajr dawk ibbażati fuq raġunijiet ta' sigurtà.
Is-sanzjonijiet ekonomiċi li fadal jinkludu:
- embargo fuq l-armi
- restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti, tagħmir u teknoloġija b'użu doppju għar-repressjoni interna u software għall-interċettazzjoni u s-sorveljanza
- projbizzjoni fuq il-kummerċ ta' oġġetti li jiffurmaw parti mill-wirt kulturali tas-Sirja
Fl-istess ħin, l-UE ddeċidiet li żżomm is-sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet relatati mar-reġim ta' Al-Assad u responsabbli għar-repressjoni vjolenti tal-poplu Sirjan u għall-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem.
L-individwi u l-entitajiet elenkati huma soġġetti għal iffriżar tal-assi, u l-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom. L-individwi huma wkoll soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar.
Dawn is-sanzjonijiet ġew estiżi l-aħħar sal-1 ta' Ġunju 2027.
Barra minn hekk, bejn l-2023 u l-2025 l-UE ssanzjonat individwi u entitajiet responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tar-reġim globali ta' sanzjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sanzjonijiet kontra r-reġim ta' Al-Assad tinkludi eċċezzjonijiet umanitarji biex jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tkompli tingħata lil kwalunkwe parti tal-pajjiż.
- Is-Sirja: l-UE tadotta atti legali biex tneħħi s-sanzjonijiet ekonomiċi fuq is-Sirja, b'implimentazzjoni ta' qbil politiku reċenti (stqarrija għall-istampa, 28 ta' Mejju 2025)
- Deċiżjoni dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ġurnal uffiċjali tal-UE)
- Regolament dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ġurnal uffiċjali tal-UE)
Ġlieda kontra t-terroriżmu
Il-preżenza tad-Da'esh u ta' gruppi terroristiċi oħra fis-Sirja hija theddida serja għall-pajjiż, għar-reġjun ta' madwaru u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi. F'Marzu 2015, l-UE għalhekk adottat "strateġija reġjonali ddedikata għas-Sirja kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh".
Wara t-telfa territorjali tad-Da'esh fl-2019, l-UE kompliet tappoġġa l-isforzi internazzjonali biex jiġi evitat li d-Da'esh jerġa' jitfaċċa. F'Diċembru 2024, il-Kunsill tenna l-impenn sod tiegħu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-Sirja u għall-ħidma tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh.
- Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija tal-UE għas-Sirja (stqarrija għall-istampa, 3 ta' April 2017)
- Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh (23 ta' Mejju 2016)
- Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh (16 ta' Marzu 2015)
Ara wkoll
Il-pożizzjoni tal-UE dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
Arranġamenti integrati għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (IPCR)
Għaliex l-UE tadotta sanzjonijiet
L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Mejju 2026