- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 5 ta' Novembru 2020 11:03
Kundizzjonalità tal-baġit: il-presidenza tal-Kunsill u n-negozjaturi tal-Parlament jilħqu qbil proviżorju
Il-presidenza Ġermaniża tal-Kunsill u n-negozjaturi tal-Parlament Ewropew illum laħqu qbil proviżorju dwar reġim ġenerali ġdid ta' kundizzjonalità biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni.
Ir-reġim ta' kundizzjonalità jifforma parti mill-pakkett ta' miżuri marbut mal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u mal-pjan tal-irkupru. Dan jippermetti li jiġi protett il-baġit tal-UE fejn jiġi stabbilit li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi stat membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE b'mod suffiċjentement dirett. Il-fondi kollha tal-UE, inkluż ir-riżorsi allokati permezz tal-istrument għall-irkupru Next Generation EU, huma koperti.
Il-qbil proviżorju mal-Parlament jibni fuq il-gwida politika pprovduta mill-mexxejja tal-UE fil-laqgħa tagħhom tas-17-21 ta' Lulju 2020. Issa ser jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni miż-żewġ istituzzjonijiet.
Dan huwa stadju importanti fl-isforzi tagħna biex niffinalizzaw il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE u l-pakkett għall-irkupru. Il-mekkaniżmu l-ġdid ta' kundizzjonalità ser isaħħaħ il-protezzjoni tal-baġit tal-UE meta ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt iwassal għal użu ħażin tal-fondi tal-UE. Ninsab kuntent ħafna li permezz tal-kooperazzjoni tajba mat-tim ta' negozjar tal-Parlament stajna nilħqu qbil rapidu. Issa wasal iż-żmien li naqblu wkoll dwar il-bqija tal-pakkett. Fuq il-mejda għandna pakkett finanzjarju storiku ta' €1.8 triljun. Ma nistgħux nitilfu aktar ħin, għax l-istati membri qed jintlaqtu ħażin ferm mit-tieni mewġa tal-pandemija. Michael Clauß, Rappreżentant Permanenti tal-Ġermanja għall-UE
Kuntatti għall-istampa
-
Dimosthenis Mammonas Press officer
- +32 477 61 20 77
- +32 2 281 2504
- @dimos_mammonas
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 23 ta' April 2025