Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 6 ta' Novembru 2020 15:45

Belarussja: Alexandr Lukashenko u 14-il uffiċjal ieħor sanzjonati minħabba r-repressjoni li għaddejja bħalissa

Illum il-Kunsill żied 15-il membru tal-awtoritajiet Belarussi, inkluż Alexandr Lukashenko u ibnu u Konsulent għas-Sigurtà Nazzjonali Viktor Lukashenko, mal-lista ta' individwi sanzjonati b'rabta mar-repressjoni vjolenti u l-intimidazzjoni ta' dimostranti paċifiċi, membri tal-oppożizzjoni u ġurnalisti wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2020 fil-Belarussja.

Il-miżuri restrittivi, li issa japplikaw għal total ta' 59 individwu, jinkludu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi. Barra minn hekk, ċittadini u kumpaniji tal-UE huma pprojbiti milli jagħmlu fondi disponibbli lil dawk elenkati.

Id-deċiżjoni tal-lum issegwi l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Ottubru 2020 dwar ir-rispons tal-UE għall-iżviluppi fil-Belarussja, li fihom il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa l-vjolenza użata mill-awtoritajiet Belarussi kontra d-dimostranti paċifiċi u ddikjara li l-UE tinsab lesta li tieħu aktar miżuri restrittivi kontra entitajiet u uffiċjali għoljin, inkluż Aleksandr Lukashenko.

Barra minn hekk, fl-24 ta' Settembru 2020, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-UE, fejn stqarr li l-hekk imsejħa "inawgurazzjoni" u l-mandat ġdid iddikjarat minn Aleksandr Lukashenko ma kellhom l-ebda leġittimità demokratika, filwaqt li talab lill-awtoritajiet Belarussi biex immedjatament jieqfu minn kwalunkwe repressjoni u vjolenza ulterjuri diretti lejn il-poplu tal-Belarussja u biex jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha detenuti, inklużi l-priġunieri politiċi.

L-atti legali rilevanti, inkluż l-ismijiet tal-persuni kkonċernati, ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

L-Unjoni Ewropea taqbel dwar is-sanzjonijiet kontra l-Belarussja

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024