Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 12 ta' Lulju 2021 10:05

Russja: L-UE ttawwal is-sanzjonijiet ekonomiċi minħabba d-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna b’sitt xhur

Il-Kunsill illum iddeċieda li jtawwal is-sanzjonijiet fuq setturi ekonomiċi speċifiċi tal-Federazzjoni Russa għal sitt xhur oħra, sal-31 ta' Jannar 2022.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill issegwi l-aktar valutazzjoni reċenti tal-istat ta' implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk - li inizjalment kienet prevista li ssir sal-31 ta' Diċembru 2015 - waqt il-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta' Ġunju 2021. F'din l-okkażjoni l-mexxejja tal-UE appellaw lir-Russja biex tassumi r-responsabbiltà sħiħa tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk bħala l-kondizzjoni ewlenija għal kwalunkwe bidla sostanzjali fil-pożizzjoni tal-UE. Peress li dawn il-ftehimiet mhumiex implimentati bis-sħiħ mir-Russja, il-mexxejja tal-UE unanimament iddeċidew li jibqgħu għaddejjin bis-sanzjonijiet ekonomiċi fis-seħħ kontra l-pajjiż.

Dawn is-sanzjonijiet ġew imposti l-ewwel fil-31 ta' Lulju 2014 b'reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li ddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Huma ġew imsaħħa f'Settembru 2014, u f'Marzu 2015, il-Kunsill Ewropew qabel li jorbot it-tul ta' żmien tagħhom mal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk.

Is-sanzjonijiet jillimitaw l-aċċess għas-swieq kapitali primarji u sekondarji tal-UE għal ċerti banek u kumpaniji Russi u jipprojbixxu forom ta' assistenza finanzjarja u senserija lill-istituzzjonijiet finanzjarji Russi. Il-miżuri jipprojbixxu wkoll l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasferiment diretti jew indiretti tal-materjal kollu relatat mad-difiża u jistabbilixxu projbizzjoni għal oġġetti b'użu doppju għall-użu militari jew utenti finali militari fir-Russja. Is-sanzjonijiet jillimitaw aktar l-aċċess tar-Russja għal ċerti teknoloġiji sensittivi li jistgħu jintużaw fis-settur tal-enerġija tar-Russja, pereżempju fil-produzzjoni u fl-esplorazzjoni taż-żejt.

Minbarra s-sanzjonijiet ekonomiċi, l-UE għandha fis-seħħ tipi differenti ta' miżuri b'reazzjoni għall-annessjoni illegali mir-Russja tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol u d-destabbilizzazzjoni intenzjonata tal-Ukrajna. Dawn jinkludu: miżuri diplomatiċi, miżuri restrittiviindividwali (iffriżar tal-assi u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar) u restrizzjonijiet speċifiċi fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-Krimea u ma' Sevastopol.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024