Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna: sanzjonijiet tal-UE
L-UE imponiet sanzjonijiet massivi u bla preċedent kontra individwi u entitajiet involuti fl-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja.
Għan tas-sanzjonijiet kontra r-Russja
Minn Marzu 2014 'l hawn, l-UE imponiet progressivament miżuri restrittivi fuq ir-Russja b'reazzjoni għal:
- l-annessjoni illegali tal-Krimea (2014)
- l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna (2022)
- l-annessjoni illegali tar-reġjuni Ukreni ta' Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson (2022)
S'issa, ġew adottati 21 pakkett ta' sanzjonijiet. Dawn il-miżuri jżidu l-pressjoni fuq ir-Russja u huma mfassla għall-ekonomija tal-gwerra tagħha, filwaqt li jappoġġaw l-isforzi biex tintemm il-gwerra brutali ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.
Is-sanzjonijiet tal-UE huma mmirati b'attenzjoni, imfassla biex ikunu proporzjonati, u huma temporanji. Dan ifisser li jiġu riveduti regolarment u li l-UE tista' tikkalibrahom, ittaffihom jew ittemmhom jekk jintlaħqu l-objettivi tal-UE jew jintlaħqu passi sinifikattivi lejhom.
Barra minn hekk, l-UE adottat sanzjonijiet kontra l-Belarussja, l-Iran u l-Korea ta' Fuq fid-dawl tal-appoġġ tagħhom għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Ġew adottati sanzjonijiet ukoll b'reazzjoni għall-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u t-theddid u l-kampanji ibridi tar-Russja kontra l-UE u l-istati membri tagħha.
Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja: mistoqsijiet u tweġibiet
Sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet
Il-miżuri restrittivi tal-UE fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna japplikaw għal kważi 3 000 individwu u entità.
L-individwi sanzjonati jinkludu:
Il-lista tinkludi wkoll individwi responsabbli għal, jew involuti fi:
- l-hekk imsejħa "referenda" fl-2022 u "elezzjonijiet" fit-2023 fit-territorji tal-Ukrajna
- l-atroċitajiet imwettqa f'Bucha u Mariupol
- l-attakki bil-missili kontra persuni ċivili u infrastruttura kritika
- id-deportazzjoni,it-trasferiment furzat u l-adozzjonijiet illegali ta' tfal Ukreni
- ir-riedukazzjoni militari ta' tfal Ukreni
- ir-reklutaġġ ta' merċenarji Sirjani biex jiġġieldu fl-Ukrajna
- il-manifattura u l-forniment ta' droni
- iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet
- l-operat tal-flotta mistura tar-Russja
- is-serq tal-wirt kulturali tal-Ukrajna
Individwi mill-Iran, mill-Belarussja u mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea huma inklużi wkoll fil-lista.
L-entitajiet sanzjonati jinkludu:
- partiti politiċi
- forzi armati u gruppi paramilitari, inkluż il-grupp Wagner
- banek u istituzzjonijiet finanzjarji
- organizzazzjonijiet tal-media responsabbli għal propaganda u diżinformazzjoni
- kumpaniji fis-settur tad-difiża u involuti fil-manifattura tad-droni
- kumpaniji fis-setturi tat-trasport u tal-enerġija
- kumpaniji fis-setturi tal-avjazzjoni, tal-bini tal-bastimenti u tal-bini tal-magni
- kumpaniji fis-setturi tal-IT, it-telekomunikazzjoni u l-assigurazzjoni
- kumpaniji involuti fiċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet
- kumpaniji konnessi mal-flotta mistura tar-Russja
- PJSC Alrosa, l-akbar kumpanija tal-estrazzjoni tad-djamanti fid-dinja
- il-moviment "All-Russia People's Front"
- organizzazzjonijiet responsabbli għall-indottrinazzjoni u r-riedukazzjoni tat-tfal Ukreni
Kumpaniji minn pajjiżi terzi huma soġġetti wkoll għal sanzjonijiet fid-dawl tal-appoġġ tagħhom għall-gwerra tar-Russja. Il-miżuri ġew introdotti għall-ewwel darba f'Marzu 2014 u ġew estiżi l-aktar reċentement sal-15 ta' Settembru 2026.
- Regolament dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Deċiżjoni dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
Il-miżuri restrittivi jinkludu:
Projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar
Il-persuni fil-mira ma jistgħux jidħlu f'territorji tal-UE jew jgħaddu minnhom.
Iffriżar tal-assi
L-assi kollha tal-individwi u l-entitajiet sanzjonati fl-UE huma ffriżati.
Nuqqas ta' disponibbiltà ta' fondi
Persuni u entitajiet tal-UE ma jistgħux iqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni ta' dawk sanzjonati.
Sanzjonijiet ekonomiċi
Fl-2014, l-UE imponiet sanzjonijiet ekonomiċi mmirati lejn skambji mar-Russja f'setturi ekonomiċi speċifiċi, bi tweġiba għall-annessjoni illegali tal-Krimea.
F'Marzu 2015, il-mexxejja tal-UE ddeċidew li jallinjaw ir-reġim tas-sanzjonijiet eżistenti mal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk, li kienet ippjanata li ssir fl-aħħar ta' Diċembru 2015.
Peress li din ma saritx, il-Kunsill estenda s-sanzjonijiet ekonomiċi sal-31 ta' Lulju 2016.
Minn Lulju 2016, is-sanzjonijiet ekonomiċi ġew suċċessivament estiżi għal sitt xhur kull darba. Bħalissa huma estiżi sal-31 ta' Lulju 2027.
Wara l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022, l-UE intensifikat il-miżuri fil-qafas ta' dan ir-reġim ta' sanzjonijiet.
Is-sanzjonijiet ekonomiċi għandhom fil-mira s-setturi finanzjarji, kummerċjali, tal-enerġija, tat-trasport, tat-teknoloġija u tad-difiża tar-Russja, kif ukoll is-servizzi pprovduti lir-Russja jew lil ċittadini Russi.
Jimmiraw ukoll lill-Belarussja, minħabba l-kompliċità tagħha mar-Russja, u l-Iran, b'reazzjoni għall-manifattura u l-forniment ta' droni.
Finanzjament
Difiża u teknoloġija
Enerġija
Kummerċ
Trasport
Servizzi
Din hija ħarsa ġenerali lejn is-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja.
Finanzjament
Il-miżuri fis-settur finanzjarju jinkludu restrizzjonijiet fuq l-aċċess min-naħa tar-Russja għas-swieq kapitali u finanzjarji tal-UE u projbizzjonijiet fuq:
- tranżazzjonijiet ma' aktar minn 100 bank Russu
- l-użu tas-"sistema għat-Trasferiment ta' Messaġġi Finanzjarji" (SPFS)
- l-involviment mill-operaturi tal-UE fis-“sistema nazzjonali tal-kards ta' pagament” (Mir) Russa jew fis-“sistema ta' pagamenti aktar mgħaġġla” (SBP)
- depożiti kbar minn ċittadini Russi fil-banek tal-UE
- investiment fi proġetti kofinanzjati mill-Fond Russu tal-Investiment Dirett
- il-forniment ta' karti tal-flus iddenominati f'euro lir-Russja
- tranżazzjonijiet f'xi kriptovaluti u ma' għadd ta' pjattaformi ta' negozjar għall-kriptoassi
- il-forniment ta' kriptoassi u ta' pariri dwar trusts assenjati lil ċittadini Russi
Enerġija
Il-miżuri fis-settur tal-enerġija jinkludu limitu massimu tal-prezz relatat mat-trasport marittimu taż-żejt u tal-prodotti petroliferi Russi u obbligu ta' notifika għall-bejgħ ta' tankers tal-LNG. Dawn jinkludu wkoll projbizzjonijiet fuq:
- importazzjonijiet mir-Russja ta' żejt mhux maħdum, prodotti petroliferi u faħam
- importazzjonijiet ta' prodotti petroliferi raffinati magħmula miż-żejt Russu u li ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE
- tranżazzjonijiet ma' lista ta' negozjanti taż-żejt
- importazzjonijiet ta' gass naturali likwifikat (LNG) u gass likwifikat miż-żejt (LPG) Russi
- tranżazzjonijiet relatati ma' Nord Stream 1 u 2
- il-forniment ta' kapaċità ta' ħżin tal-gass għaċ-ċittadini Russi
- investimenti ġodda fil-proġetti tal-LNG tar-Russja
- esportazzjonijiet lejn ir-Russja ta' oġġetti u teknoloġiji għall-industrija tal-enerġija
- investimenti ġodda fis-settur tal-enerġija u l-minjieri tar-Russja
Trasport
Il-miżuri fis-settur tat-trasport jinkludu l-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-UE għall-inġenji tal-ajru Russi kollha u tal-portijiet tal-UE għall-bastimenti Russi kollha kif ukoll għal aktar minn 670 bastiment mhux tal-UE li huma parti mill-flotta mistura tar-Russja. Dawn jinkludu wkoll projbizzjonijiet fuq:
- esportazzjonijiet lejn ir-Russja ta' oġġetti u teknoloġija fis-settur tal-avjazzjoni, dak marittimu u tal-ispazju
- esportazzjonijiet lejn ir-Russja tal-inġenji tal-ajru kollha, inkluż il-partijiet ta' inġenji tal-ajru u l-fjuwil tal-ġettijiet
- operaturi Russi tat-trasport bit-triq li jittrasportaw oġġetti lejn l-UE
- trejlers u semitrejlers irreġistrati fir-Russja li jittrasportaw oġġetti lejn l-UE
- tranżazzjonijiet mar-reġistru tat-tbaħħir marittimu Russu
- l-għoti ta' servizzi ta' tiswija, manutenzjoni u servizzi finanzjarji fil-qasam tat-trasport
Difiża u teknoloġija
Il-miżuri fis-setturi tad-difiża u t-teknoloġija jinkludu restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni għal lista ta' entitajiet li jappoġġaw direttament il-kumpless militari u industrijali tar-Russja, li ħafna minnhom jinsabu f'pajjiżi terzi. Dawn jinkludu wkoll projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja ta':
- oġġetti u teknoloġija b'użu doppju għal użu militari
- magni u komponenti tad-droni għall-produzzjoni ta' droni
- armi u armi tan-nar ċivili u l-komponenti tagħhom
- munizzjon, vetturi militari u tagħmir paramilitari
- komponenti tal-IT, komponenti elettroniċi u ottiċi
- sustanzi kimiċi, strumenti għan-navigazzjoni, ġeneraturi u termostati
- kameras, lentijiet, droni tal-logħob, laptops u hard drives
- oġġetti u teknoloġija oħra li jistgħu jtejbu s-setturi tad-difiża u tas-sigurtà tar-Russja
Kummerċ fil-materja prima u oġġetti oħra
Il-miżuri fis-settur kummerċjali jinkludu projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja ta' oġġetti ta' lussu, kwoti għall-importazzjonijiet tal-klorur tal-potassju u projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet mir-Russja ta':
- azzar, ħadid, ħadid fondut grezz, aluminju u metalli oħrajn
- fili tar-ram u tal-aluminju, tubi u fojl
- siment, bitum u asfalt
- injam, karti, gomma u plastik
- elju u sustanzi kimiċi oħra
- frott tal-baħar, spirti, sigaretti u kożmetiċi
- djamanti u deheb, inkluż ġojjellerija
- oġġetti oħra li jistgħu jtejbu l-kapaċitajiet industrijali tar-Russja
Servizzi
Il-miżuri fis-settur tas-servizzi jinkludu awtorizzazzjoni minn qabel obbligatorja għas-servizzi kollha pprovduti lill-gvern Russu u projbizzjoni fuq il-forniment tas-servizzi li ġejjin lir-Russja jew lil ċittadini Russi:
- kontabilità, verifika, żamma tal-kotba, u konsulenza dwar it-taxxa
- kostruzzjoni, arkitettura u inġinerija
- ċibersigurtà, konsulenza dwar l-IT u konsulenza legali
- reklamar, riċerka tas-suq u stħarriġ tal-opinjoni pubblika
- assistenza teknika, senserija jew assistenza finanzjarja b'rabta ma' oġġetti u teknoloġija koperti minn sanzjonijiet oħra
- drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali relatati ma' oġġetti u teknoloġija koperti minn sanzjonijiet oħra
- software għall-ġestjoni tal-intrapriżi, għad-disinn u l-manifattura industrijali u għal ċerti użi fis-settur bankarju u finanzjarju
- servizzi ta' kriptoassi
- manutenzjoni għal tankers tal-LNG u bastimenti li jkissru s-silġ u servizzi tat-terminal tal-LNG
Il-listi ta' hawn fuq mhumiex eżawrjenti. Il-lista sħiħa ta' sanzjonijiet hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ġurnal Uffiċjali tal-UE:
- Regolament dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Deċiżjoni dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
Assi Russi immobilizzati
Bl-adozzjoni tat-tielet pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja fit-28 ta' Frar 2022, madwar €210 biljun tal-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja ġew immobilizzati fl-UE.
F'Mejju 2024, il-Kunsill adatta l-qafas legali biex jiżgura li d-dħul straordinarju ġġenerat mill-immobilizzazzjoni tal-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja fl-UE jkun jista' jintuża biex jappoġġa lill-Ukrajna.
Ir-regoli tal-UE adottati fil-25 ta' Ottubru 2024 jipprevedu li 95% tad-dħul straordinarju ser jiġi allokat għall-baġit tal-UE u mwassal permezz tal-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni ta' Self għall-Ukrajna, strument maħluq mill-UE biex jgħin lill-Ukrajna tħallas lura self tal-UE-G7 ta' madwar €45 biljun. Il-5% li jifdal ser jiġu allokati għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi.
F'Diċembru 2025, il-Kunsill iddeċieda li jipprojbixxi, fuq bażi temporanja, kwalunkwe trasferiment ta' assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja immobilizzati fl-UE lura lejn ir-Russja.
Projbizzjonijiet fuq il-mezzi tax-xandir
Mill-2022, l-UE ssospendiet l-attivitajiet tax-xandir u l-liċenzji ta' bosta entitajiet ta' diżinformazzjoni appoġġati mill-Kremlin.
Dawn l-entitajiet intużaw mill-gvern Russu bħala strumenti biex jimmanipulaw l-informazzjoni u jippromwovu d-diżinformazzjoni dwar l-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna, inkluż il-propaganda bil-għan li jiddestabbilizzaw il-pajjiżi ġirien tar-Russja, l-UE u l-istati membri tagħha.
Bħalissa l-projbizzjoni tax-xandir tapplika għal 27 organizzazzjoni tal-media:
- EADaily / Eurasia Daily
- Fondsk
- Izvestia
- Katehon
- Krasnaya Zvezda / Tvzvezda
- Lenta
- New Eastern Outlook
- NewsFront
- NTV/NTV Mir
- Oriental Review
- Pervyi Kanal
- REN TV
- RIA Novosti
- RuBaltic
- Russia Today u s-sussidjarji tagħha
- Rossiya RTR / RTR Planeta
- Rossiya 24 / Russia 24
- Rossiya 1
- Rossiyskaya Gazeta
- SouthFront
- Spas TV Channel
- Sputnik u s-sussidjarji tagħha
- Strategic Culture Foundation
- Tsargrad TV Channel
- TV Centre International
- Voice of Europe
Finanzjament ta' partiti politiċi fl-UE
Ir-Russja kontinwament tipprova tinterferixxi fil-proċessi demokratiċi fl-UE u ddgħajjef il-pedamenti demokratiċi tagħha, inkluż permezz ta' kampanji ta' influwenza u billi tippromwovi d-diżinformazzjoni.
Għalhekk, l-UE ddeċidiet li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-gruppi ta' riflessjoni, u l-fornituri tas-servizzi tal-media fl-UE mhux ser jibqgħu jitħallew jaċċettaw finanzjament mill-istat Russu u mill-proxies tiegħu.
F'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, dawn il-miżuri mhux ser jipprevjenu lill-fornituri tas-servizzi tal-media u lill-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet oħra fl-UE, bħal riċerka u intervisti.
Restrizzjonijiet ekonomiċi oħra
Restrizzjonijiet fuq relazzjonijiet ekonomiċi ma' żoni speċifiċi
Il-Kunsill adotta miżuri ekonomiċi mmirati fir-rigward ta' oqsma speċifiċi, wara:
- l-annessjoni illegali mir-Russja tal-Krimea u Sevastopol
- ir-rikonoxximent tar-Russja taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern ta' Donetsk, Luhansk, Zaporizhzhia u Kherson
Dawn il-miżuri jinkludu restrizzjonijiet fuq:
importazzjonijiet
esportazzjonijiet
servizzi
Il-miżuri restrittivi b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol ġew introdotti fl-2014, u ġew estiżi l-aktar reċentement sat-23 ta' Ġunju 2027.
Fi Frar 2022 ġew adottati l-miżuri restrittivi b'reazzjoni għad-deċiżjoni tar-Russja li tipproċedi bir-rikonoxximent taż-żoni tal-oblasts ta' Donetsk u Luhansk fl-Ukrajna li mhumiex ikkontrollati mill-gvern, bħala entitajiet indipendenti, u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi f'dawk iż-żoni.
F'Ottubru 2022, dawn il-miżuri ġew estiżi biex ikopru ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern ta' Zaporizhzhia u Kherson. Dawn ġew estiżi l-aktar reċentement sal-24 ta' Frar 2027.
- Regolament dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Deċiżjoni dwar miżuri restrittivi minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Regolament dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mir-Russja ta' ċerti żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
- Deċiżjoni dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mir-Russja ta' ċerti żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern (Ġurnal Uffiċjali tal-UE)
Miżuri dwar kooperazzjoni ekonomika
Fl-2014, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) iddeċieda li r-Russja ma tibqax pajjiż riċevitur, u waqaf japprova l-investimenti f'dak il-pajjiż.
Fl-istess sena, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) issospenda l-iffirmar ta' operazzjonijiet ġodda ta' finanzjament fir-Russja. Il-programmi bilaterali u reġjonali tal-UE għal kooperazzjoni mar-Russja ġiet ivvalutati mill-ġdid u ġew sospiżi.
Barra minn hekk, flimkien ma' membri oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-UE qablet li tiċħad it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit għall-prodotti u s-servizzi Russi fis-swieq tal-UE.
Miżapproprjazzjoni ta' fondi tal-istat tal-Ukrajna
F'Marzu 2014, il-Kunsill iddeċieda li jiffriża l-assi ta' individwi responsabbli għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi tal-istat tal-Ukrajna. Dawn il-miżuri ġew estiżi l-aktar reċentement sas-6 ta' Marzu 2027.
L-UE imponiet sanzjonijiet ukoll fuq organizzazzjonijiet tal-media u individwi li jniġġsu l-ispazju pubbliku bid-diżinformazzjoni.
Tariffi fuq prodotti agrikoli u fertilizzanti
Fit-12 ta' Ġunju 2025, il-Kunsill adotta regolament li jintroduċi tariffi fuq prodotti agrikoli u ċerti fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu mir-Russja u l-Belarussja li kienu għadhom mhumiex soġġetti għal dazji doganali addizzjonali.
L-importazzjoni tal-fertilizzanti Russi kkonċernati mit-tariffi l-ġodda jirrappreżentaw 'il fuq minn 25% tal-importazzjoni totali ta' fertilizzanti fl-UE, għal total ta' kważi 3.6 miljun tunnellata.
It-tariffi mistennija jnaqqsu d-dħul tar-Russja mill-esportazzjoni, u b'hekk jillimitaw il-kapaċità tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra ta' aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Ir-regolament ser jikkonċerna l-importazzjoni fl-UE biss. L-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli u fertilizzanti Russi lejn pajjiżi terzi jibqgħu mhumiex affettwati.
Miżuri diplomatiċi
Sospensjoni tas-summits bilaterali
Fl-2014, is-summit bejn l-UE u r-Russja ġie kkanċellat, u l-istati membri tal-UE ddeċidew li ma jibqax ikollhom summits bilaterali regolari mar-Russja. It-taħditiet bilaterali mar-Russja dwar kwistjonijiet ta' viża ġew sospiżi wkoll.
Minflok is-summit tal-G8 f'Sochi, saret laqgħa tal-G7 - mingħajr ir-Russja - fi Brussell fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-laqgħat komplew fil-format tal-G7.
Il-pajjiżi tal-UE appoġġaw ukoll is-sospensjoni tan-negozjati minħabba s-sħubija tar-Russja fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u fl-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE).
Minn Ottubru 2025, id-diplomatiċi Russi huma obbligati jinfurmaw minn qabel lill-istat membru rilevanti tal-UE, meta jivvjaġġaw fiż-żona Schengen lil hinn mill-pajjiż ta' akkreditazzjoni tagħhom.
Sospensjoni tal-ftehim tal-viża
Fi Frar 2022, l-UE ddeċidiet li diplomatiċi Russi, uffiċjali u negozjanti Russi oħra ma jistgħux ikomplu jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet ta' faċilitazzjoni tal-viża, li jippermettu aċċess privileġġat għall-UE.
F'Settembru 2022, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tissospendi kompletament il-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u r-Russja. B'konsegwenza ta' dan, ir-regoli ġenerali tal-kodiċi tal-viża ser japplikaw għaċ-ċittadini Russi.
F'Diċembru 2022, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar in-nuqqas ta' aċċettazzjoni ta' dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa fl-Ukrajna u l-Georgia.
Din id-deċiżjoni ttieħdet bħala tweġiba għall-prattika tar-Russja li toħroġ passaporti internazzjonali Russi lil residenti ta' reġjuni okkupati. Din segwiet ukoll id-deċiżjoni unilaterali tar-Russja li tirrikonoxxi l-indipendenza tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2008.
Dokumenti tal-ivvjaġġar Russi maħruġa f'reġjuni okkupati mir-Russja fl-Ukrajna jew f'territorji separatisti fil-Georgia, jew lil persuni residenti fihom, mhumiex aċċettati bħala dokumenti tal-ivvjaġġar validi għall-kisba ta' viża jew għall-qsim tal-fruntieri taż-żona Schengen.
Il-projbizzjoni ta' kumbattenti Russi mill-UE
Il-21 pakkett ta' sanzjonijiet introduċa l-bażi għal projbizzjoni komprensiva tal-viża għall-kumbattenti u l-eks kumbattenti tal-forzi armati Russi u gruppi proxy oħra, li jieħdu sehem fil-gwerra tar-Russja. Il-Kunsill ser jiddeċiedi meta l-projbizzjoni tidħol fis-seħħ.
Miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni
Ikkonfrontati bl-iskala tas-sanzjonijiet mill-UE, il-miri Russi użaw diversi tekniki biex jevitawhom, bħall-użu ta' skemi finanzjarji kumplessi, il-falsifikazzjoni tan-natura jew l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati jew id-dipendenza fuq il-ġuriżdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi.
L-UE ħadet diversi miżuri biex tevita u tipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni, inkluż:
- sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet involuti fiċ-ċirkomvenzjoni, inkluż dawk involuti fil-flotta mistura tar-Russja
- restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju u ta' teknoloġija avvanzata għal mijiet ta' entitajiet, inkluż bosta li jinsabu barra mir-Russja u li jappoġġaw direttament il-gwerra tar-Russja
- estensjoni tal-projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet għal operaturi mhux tal-UE bbażati barra mir-Russja li jiffaċilitaw iċ-ċirkomvenzjoni tar-restrizzjonijiet relatati maż-żejt
L-UE pprojbiet l-aċċess għall-portijiet tal-UE għall-bastimenti:
- li huma parti mill-flotta mistura tar-Russja li jittrasportaw żejt mhux maħdum Russu jew prodotti li huma magħmula minn żejt mhux maħdum Russu u li huma responsabbli għaċ-ċirkomvenzjoni tal-limitu massimu tal-prezz taż-żejt (s'issa aktar minn 670 bastiment)
- involuti fi trasferimenti minn vapur għal vapur u suspettati bi ksur tas-sanzjonijiet
- issuspettati li jinterferixxu jew jiddiżattivaw illegalment is-sistema ta' identifikazzjoni awtomatika tagħhom ta' fuq il-vapur meta jittrasportaw żejt Russu
Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet mal-portijiet, l-imgħalaq u l-ajruporti Russi użati għaċ-ċirkomvenzjoni tal-limitu massimu tal-prezz taż-żejt huma pprojbiti wkoll.
L-UE introduċiet projbizzjonijiet fuq it-tranżitu ta' oġġetti b'użu doppju, teknoloġiji u oġġetti mill-kamp tal-battalja li qed jiġu esportati mill-UE lejn pajjiżi terzi mit-territorju Russu, u fuq l-esportazzjoni mill-ġdid ta' oġġetti u teknoloġija partikolarment sensittivi lejn ir-Russja u għall-użu fir-Russja (il-klawżola ta' esklużjoni tar-Russja).
L-UE talbet li:
- il-kumpaniji omm tal-UE jiżguraw li s-sussidjarji tagħhom f'pajjiżi terzi ma jieħdu sehem fl-ebda attività li tirriżulta f'eżitu li s-sanzjonijiet iridu jipprevjenu
- l-operaturi tal-UE jimplimentaw mekkaniżmi ta' diliġenza dovuta għall-bejgħ ta' oġġetti mill-kamp tal-battalja lil pajjiżi terzi
- l-operaturi tal-UE li jittrasferixxu għarfien industrijali għall-produzzjoni ta' oġġetti tal-kamp tal-battalja lil pajjiżi terzi biex jinkludu dispożizzjonijiet kuntrattwali biex jiżguraw li l-għarfien ma jintużax għal oġġetti maħsuba għar-Russja
Sabiex tillimita ċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjoni fuq il-forniment ta' servizzi ta' kartiera tal-kriptoassi, ta' kontijiet jew ta' kustodja lil persuni jew lil residenti Russi, l-UE introduċiet projbizzjoni fuq ċittadini Russi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fir-Russja milli jippossjedu jew jikkontrollaw il-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li jipprovdu tali servizzi, jew milli jkollhom kariga fil-korpi governattivi tagħhom. L-UE adottat ukoll sanzjonijiet immirati lejn il-fornituri tal-kriptoassi.
Barra minn hekk, huma meħtieġa notifiki għal trasferimenti ta' fondi li jaqbżu l-€100 000 barra mill-UE minn kwalunkwe entità stabbilita fl-UE li hija proprjetà tar-Russja jew ikkontrollata minnha.
Sanzjonijiet oħra kontra r-Russja
Minbarra s-sanzjonijiet b'reazzjoni għall-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE imponiet ukoll sanzjonijiet immirati lejn dawk responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, u għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Russja.
Ġew adottati wkoll sanzjonijiet b'reazzjoni għat-theddid u l-kampanji ibridi tar-Russja kontra l-UE.
Abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja: sanzjonijiet tal-UE
L-attivitajiet ibridi tar-Russja: sanzjonijiet tal-UE
Ara wkoll
L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Lulju 2026