"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill japprova konklużjonijiet dwar pjan ġdid għas-salvagwardja tal-provvista tal-ikel tal-Ewropa
Il-ministri għall-biedja llum approvaw konklużjonijiet dwar pjan biex tiġi protetta s-sistema tal-provvista tal-ikel tal-UE kontra theddid futur. Il-pjan ta' kontinġenza għall-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel, żviluppat mill-Kummissjoni bħala parti mill-istrateġija mill-għalqa sal-platt, ser jgħin lill-UE tiffaċċa l-isfidi inkluż avvenimenti estremi tat-temp, kwistjonijiet tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali, u n-nuqqas ta' kontributi ewlenin bħall-fertilizzanti, l-enerġija u x-xogħol.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jilqa' l-pjan ta' kontinġenza propost u jirrikonoxxi l-ħtieġa li s-sistema tal-ikel tal-Ewropa tibqa' valida fil-futur kontra riskji potenzjali. Filwaqt li l-mekkaniżmi eżistenti rnexxielhom itaffu l-agħar effetti tal-pandemija reċenti, il-ministri jaqblu li t-tagħlimiet meħuda mill-COVID-19 għandhom jinfurmaw l-approċċ tal-UE għal diżastri futuri fil-ġejjieni.
B'mod partikolari, l-istati membri jenfasizzaw l-importanza tas-suq intern, u jsostnu li l-mobbiltà transkonfinali tal-persuni, il-merkanzija, is-servizzi u l-kapital għandha tinżamm f'każ ta' kriżi. Barra minn hekk, huma jappoġġaw il-ħolqien ta' mekkaniżmu permanenti li jissorvelja l-livell ta' tħejjija tal-Ewropa għat-theddid għas-sigurtà tal-ikel.
Il-ministri jirrikonoxxu wkoll il-ħtieġa li jissaħħu u jiġu żviluppati l-għodod eżistenti għat-trattament ta' kwistjonijiet ta' sigurtà alimentari, pjuttost milli s-sovrappożizzjoni tagħhom, u li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fl-aħħar nett, huma jenfasizzaw l-importanza ta' komunikazzjoni effettiva mal-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni u tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku.
Dawn il-konklużjonijiet jirriflettu l-impenn tal-istati membri biex jissalvagwardjaw il-provvista tal-ikel tal-Ewropa kontra theddid potenzjali. Billi nibnu fuq it-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija, nistgħu niżguraw li r-rispons tagħna għal kriżijiet futuri jkun ikkoordinat fil-livell tal-UE u jippermetti moviment kontinwu u transkonfinali ta' persuni, oġġetti u servizzi b'mod .
Jože Podgoršek, Ministru għall-Agrikoltura tas-Slovenja
Kuntest
Il-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 żvela l-vulnerabbiltà tal-katina alimentari tal-Ewropa għal sfidi kbar fil-provvista. Filwaqt li l-miżuri eżistenti taħt il-politika agrikola komuni u politiki rilevanti oħra tal-UE għenu biex jittaffew l-agħar nuqqasijiet u jitħaffef l-irkupru, il-ħtieġa li jsir ippjanar għal kriżijiet futuri malajr saret evidenti.
Bil-pubblikazzjoni tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tadotta miżuri speċifiċi biex tipproteġi l-provvista tal-ikel tal-UE kontra theddid bħall-pandemija reċenti, l-avvenimenti estremi tat-temp, il-mard tal-annimali, in-nuqqas ta' enerġija, jew it-tfixkil fir-relazzjonijiet kummerċjali. L-għan ta' dawn il-miżuri huwa li jiżguraw li l-Ewropej ikollhom aċċess għal ikel sikur, varjat u nutrittiv f'kull ħin, inkluż matul perjodu ta' kriżi.
Fit-12 ta' Novembru 2021 il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li tiddeskrivi l-passi li għandha tieħu biex jiġi stabbilit pjan ta' kontinġenza biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa. Dawn jinkludu l-ħolqien ta' mekkaniżmu Ewropew ta' tħejjija u rispons għall-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel (EFSCM), li għandu jiġi attivat f'każ ta' kriżi. Grupp ta' esperti magħmul minn speċjalisti tal-istati membri, partijiet ikkonċernati rilevanti u rappreżentanti ta' pajjiżi mhux tal-UE b'rabtiet mill-qrib mal-katina alimentari tal-UE ser jiltaqa' perjodikament biex jiżgura li l-UE tkun imħejjija bis-sħiħ għal sfidi potenzjali fil-provvista tal-ikel.