Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Dikjarazzjoni u kummenti
  • 5 ta' Lulju 2023 17:40

Sudan: Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-konflitt armat

L-Unjoni Ewropea (UE) tikkundanna bil-qawwa l-ġlied li għaddej fis-Sudan, kif ukoll li l-partijiet fil-konflitt għadhom qed jirrifjutaw li jfittxu soluzzjoni paċifika. Jeħtieġ li jiġi nnegozjat minnufih waqfien mill-ġlied dejjiemi sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-poplu tas-Sudan, li s-sikurezza, is-sigurtà u l-għaqda tiegħu għadhom f'periklu, u li jitħallew isiru l-medjazzjoni u djalogu politiku inklużiv. Irrispettivament mill-waqfien mill-ġlied, l-UE tappella lill-atturi kollha biex iħallu lill-għajnuna umanitarja tasal, u jiffaċilitaw il-kunsinna tagħha, u biex il-partijiet kollha kkonċernati jiżguraw aċċess sikur, f'waqtu u mingħajr xkiel lill-operazzjonijiet umanitarji.

L-UE tiddeplora t-telf ta' ħajjiet u l-ksur serju tad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. L-UE hija mħassba b'mod partikolari dwar ir-rapporti ta' attakki fuq skala kbira fuq persuni ċivili u żoni ċivili, inkluż fuq il-bażi ta' etniċità, partikolarment fid-Darfur, b'rapporti orribbli ta' vjolenza mifruxa sesswali u abbażi tal-ġeneru, qtil immirat, spostament furzat u l-arsenalizzazzjoni kostanti tal-milizzji. Il-ftuħ ta' fronti ġodda ta' ġlied fil-Kordofan tan-Nofsinhar huwa inkwetanti wkoll. F'ċirkostanzi serji bħal dawn, l-ewwel prijorità tagħna trid tkun li niżguraw il-protezzjoni tal-persuni ċivili u l-prevenzjoni ta' aktar atroċitajiet. L-UE ttenni l-importanza tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-prinċipji umanitarji, u l-ħtieġa tal-implimentazzjoni urġenti ta' waqfien immedjat tal-ostilitajiet, bla prekundizzjonijiet.

L-UE tesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora malajr u tfaħħar il-ħidma tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u dak umanitarju biex jagħtu l-għajnuna umanitarja lin-nies fil-bżonn. Huwa imperattiv li jitneħħa t-tfixkil burokratiku għar-rispons umanitarju, u li jkun rispettat u mħares il-persunal umanitarju.

B'€256.4 miljun impenjati lis-Sudan fl-2023 għall-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, l-UE tafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tagħha lill-poplu tas-Sudan, u s-solidarjetà miegħu, speċjalment in-nisa u ż-żgħażagħ li mexxew rivoluzzjoni paċifika erba' snin ilu. L-aspirazzjonijiet u t-talbiet tagħhom għal futur aħjar jibqgħu l-qalba tal-impenn tal-UE. L-UE ser tkompli bi djalogu mas-sħab ewlenin, fosthom persunaġġi ċivili u politiċi Sudaniżi kif ukoll mal-atturi tas-soċjetà ċivili, dwar waqfien tal-ostilitajiet u ritorn għal taħdidiet sinifikattivi dwar waqfien mill-ġlied sostenibbli u soluzzjoni paċifika kredibbli għall-konflitt imsejsa fuq djalogu inklużiv.

Il-protezzjoni reġjonali qed issalva miljuni ta' Sudaniżi li kienu mġiegħla jaħarbu l-konflitt. L-UE tfaħħar lill-istati fir-reġjun li għadhom qed jilqgħu lir-refuġjati, u tapprezza l-għajnuna umanitarja reġjonali u l-isforzi għall-paċi. L-UE tappella lill-viċinat kif ukoll lill-pajjiżi ta' tranżitu biex jiffaċilitaw il-kunsinna immedjata, bla xkiel, effiċjenti u bla kundizzjonijiet ta' għajnuna u protezzjoni umanitarji. Barra minn hekk, l-UE ser tibqa' tappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni kollettivi fuq livell reġjonali u dawk ikkoordinati internazzjonalment taħt it-tmexxija tal-Unjoni Afrikana u tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) biex il-paċi tinġieb lura b'mod urġenti u jikkontribwixxu għall-istabbiltà u r-restawr tal-proċess politiku.

L-UE tappella lill-atturi esterni kollha biex jaqdu rwol kostruttiv fi kwalunkwe proċess ta' medjazzjoni. Kwalunkwe interferenza esterna li tikkontribwixxi biex ittawwal il-konflitt li għaddej ser tkompli taggrava sitwazzjoni umanitarja diġà katastrofika fil-pajjiż u ddgħajjef l-istabbiltà reġjonali.

Sabiex jitwaqqaf iċ-ċiklu ta' impunità, dawk responsabbli għall-atroċitajiet iridu jiġu identifikati u jinżammu responsabbli. Għal dak l-għan, l-UE qed tappoġġa l-ġbir tal-evidenza ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE tinsab lesta li tqis l-użu tal-mezzi kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż il-miżuri restrittivi, biex tikkontribwixxi għat-tmiem tal-konflitt u tħeġġeġ il-paċi.

Il-pajjiżi kandidati l-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, l-Albanija, l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Bożnija-Ħerzegovina1, il-pajjiż kandidat potenzjali l-Georgia, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Armenja jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.


1 Il-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja, l-Albanija u l-Bożnija-Ħerzegovina għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Marzu 2026