- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 22 ta' April 2024 09:55
Sigurtà Marittima: l-UE ser issir osservatur tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' Djibouti/Emenda ta' Jeddah
L-UE dalwaqt issir "Ħabib" (jiġifieri osservatur) tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' Djibouti/Emenda ta' Jeddah, qafas ta' kooperazzjoni reġjonali biex jiġu indirizzati l-piraterija, is-serq bl-użu tal-armi, it-traffikar tal-bnedmin u attivitajiet marittimi illegali oħra fil-Majjistral tal-Oċean Indjan, inkluż il-Golf ta' Aden u l-Baħar l-Aħmar.
Illum il-Kunsill iddeċieda formalment li jaċċetta l-istedina mis-Segretarjat tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' Djibouti/Emenda ta' Jeddah. Billi ssir "Ħabib" tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' Djibouti/Emenda ta' Jeddah, l-UE tindika l-appoġġ qawwi tagħha għal arkitettura tas-sigurtà marittima reġjonali effettiva, filwaqt li ssaħħaħ il-preżenza u l-involviment tagħha bħala fornitur tas-sigurtà marittima globali fil-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali fuq il-baħar.
Il-Majjistral tal-Oċean Indjan huwa wieħed mill-aktar ċentri dinamiċi ta' tkabbir ekonomiku fid-dinja. Bi 80% tal-kummerċ dinji jgħaddi mill-Oċean Indjan, huwa kruċjali li tiġi żgurata l-libertà tan-navigazzjoni u li jiġu protetti s-sigurtà u l-interessi tal-UE u tas-sħab tagħha.
Informazzjoni ġenerali
Fl-2017, il-Kodiċi ta' Kondotta ta' Djibouti/Emenda ta' Jeddah ġie ffirmat minn 17-il stat firmatarju fil-Majjistral tal-Oċean Indjan biex tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali u biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-istati firmatarji li jiġġieldu t-theddid dejjem jikber għas-sigurtà marittima fil-Golf ta' Aden u fil-Baħar l-Aħmar. L-UE ilha sieħeb tas-sigurtà marittima fir-reġjun.
L-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta ilha mill-2008 tiġġieled kontra l-piraterija. Aktar reċentement, bit-tnedija tal-EUNAVFOR Aspides, l-UE qed tipproteġi l-bastimenti merkantili li jaqsmu l-Baħar l-Aħmar.
B'mod parallel, l-UE twettaq missjonijiet ta' bini tal-kapaċità, bħal EUCAP Somalia, EUTM Somalia u EUTM Mozambique, kif ukoll proġetti għas-sigurtà marittima bħal CRIMARIO II u EC SAFE SEAS AFRICA.
Fl-2022, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-tnedija tal-kunċett ta' Preżenzi Marittimi Koordinati fil-Majjistral tal-Oċean Indjan, qafas għal rwol imsaħħaħ tal-UE bħala sigurtà marittima pprovdut fir-reġjun u għall-kooperazzjoni mal-istati kostali u l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sigurtà marittima.
- Sit web tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' Djibouti
- EUNAVFOR Atalanta
- EUNAVFOR Aspides
-
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Jannar 2025