Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Diċembru 2024 13:20

Sudan: il-Kunsill iżid erba' individwi mal-lista ta' sanzjonijiet tal-UE talli heddew il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiż

Il-Kunsill illum approva miżuri restrittivi addizzjonali kontra erba' individwi, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sudan, fejn għaddej ġlied kontinwu bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Forzi ta' Appoġġ Rapidu (RSF).

Min-naħa tal-SAF, il-Kunsill issanzjona lil Mohamed Ali Ahmed Subir, Logutenent Ġeneral inkarigat mill-operazzjonijiet ta' intelligence militari. Huwa responsabbli għall-fastidju, l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' membri tas-soċjetà ċivili, kif ukoll każijiet ta' vjolenza sesswali u tortura. Il-Kunsill elenka wkoll lil Salah Abdallah Mohamed Salah, magħruf ukoll bħala "Salah Gosh", l-eks konsulent tas-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tas-Sudan u eks Direttur tas-Servizz tal-Intelligence u s-Sigurtà Nazzjonali Sudaniż. Salah jinsab wara ħafna azzjonijiet meħuda mill-SAF u d-dipartiment tal-operazzjonijiet tal-intelligence.

Min-naħa tal-RSF, ġew imposti miżuri restrittivi fuq Osman Mohamed Hamid, Maġġur Ġeneral inkarigat mill-operazzjonijiet minn mindu faqqa' l-kunflitt u responsabbli għall-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq mill-RSF. Fl-aħħar nett, il-Kunsill elenka wkoll lil Tijani Karshom, il-Gvernatur de facto tad-Darfur tal-Punent. Karshom iffaċilita r-reklutaġġ ta' milizzji biex jiġġieldu mal-RSF u huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni u t-twettiq ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali fid-Darfur tal-Punent.

Dawk iddeżinjati llum huma soġġetti għal iffriżar tal-assi u l-persuni u l-entitajiet tal-UE huma pprojbiti milli jagħmlu fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi disponibbli għalihom. Barra minn hekk, huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE.

L-impożizzjoni ta' dawn il-miżuri restrittivi tissottolinja l-appoġġ sod tal-UE għall-paċi u r-responsabbiltà fis-Sudan. L-UE tirriafferma l-appoġġ sod u s-solidarjetà tagħha mal-poplu Sudaniż u l-impenn tagħha li taħdem mas-sħab reġjonali u internazzjonali biex tiffaċilita riżoluzzjoni paċifika għall-kriżi u biex tindirizza s-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra.

L-atti legali rilevanti ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Sfond

Fid-9 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2135 dwar miżuri restrittivi fid-dawl ta' attivitajiet li jdgħajfu l-istabbiltà u t-tranżizzjoni politika tas-Sudan.

Il-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra sitt entitajiet fit-22 ta' Jannar 2024, u kontra sitt individwi fl-24 ta' Ġunju 2024.

Bis-sanzjonijiet addizzjonali adottati llum, il-miżuri restrittivi tal-UE japplikaw għal għaxar individwi u sitt entitajiet.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 7 ta' April 2025