Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 16 ta' Diċembru 2024

Riżultati ewlenin

Il-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, wara intervent b'vidjokonferenza mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Andrii Sybiha, li aġġorna lill-kontropartijiet tiegħu tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fuq il-post u l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-Ukrajna.

Il-Kunsill imbagħad adotta l-15-il pakkettta' miżuri restrittivi individwali u ekonomiċi b'rispons għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin</p>

Illum adottajna l-15-il pakkett ta' sanzjonijiet kontra r-Russja. Dan iċ-ċiklu jqiegħed fil-mira l-flotta mistura u l-uffiċjali Nord Koreani, u għall-ewwel darba ditti Ċiniżi li jagħmlu d-droni għal Moska.

Il-messaġġ tagħna huwa ċar ħafna, ma tistgħux tkebbsu n-nirien tal-gwerra fl-Ewropa u taħarbu mir-responsabbiltà.

Fl-istess ħin, l-Ukrajna teħtieġ l-appoġġ tagħna fuq il-kamp tal-battalja. Aktar ma jkunu b'saħħithom fil-kamp tal-battalja, aktar ikunu b'saħħithom ukoll fuq il-mejda tan-negozjati. Mhux biss biex iżommu l-pożizzjonijiet tagħhom, iżda biex ixaqilbu l-bilanċ favurihom għax Putin mhux ser jieqaf, sakemm ma jitwaqqafx.

<p>Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin</p>

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Il-Kunsill imbagħad iddiskuta l-appoġġ militari tal-UE għall-Ukrajna. Ir-Rappreżentant Għoli saħqet fuq il-ħtieġa li dan jiżdied, speċjalment f'termini ta' munizzjon, difiżi tal-ajru, u appoġġ aktar ġenerali għall-industrija tad-difiża Ukrena. Fakkret ukoll lill-ministri tal-UE dwar il-ħtiġijiet marbuta max-xitwa.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill adotta l-ewwel sett ta' elenkar taħt ir-reġim dwar l-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja.

Georgia

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar l-iżviluppi reċenti fil-Georgia, u l-impatt tagħhom fuq il-poplu Georgjan u l-perkors Ewropew tal-Georgia, wara t-tħabbira tat-28 ta' Novembru mill-gvern tal-intenzjoni tiegħu li jissospendi l-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż mal-UE sal-2028, il-protesti tal-massa sussegwenti, u l-atti dejjem akbar ta' vjolenza kontra d-dimostranti, il-media, u l-oppożizzjoni politika.

Is-sitwazzjoni mhijiex sejra f'direzzjoni pożittiva għall-poplu Georgjan. Id-demokraziji ma joppressawx l-ilħna tal-oppożizzjoni jew irażżnu l-libertà tal-media.

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Ir-Rappreżentant Għoli saħqet li l-UE naqqset fil-grad il-kuntatti politiċi u naqqset il-finanzjament għall-gvern tal-Georgia, u ħabbret li kien hemm ftehim dwar il-ħtieġa li jitwaqqaf ir-reġim mingħajr viża għad-detenturi ta' passaporti diplomatiċi. Il-Kummissjoni ser tressaq proposta dwar dan diġà din is-sena.

Il-Kunsill qabel li, għall-ġejjieni, l-UE ser tkompli tappoġġa lill-poplu Georgjan, u fosthom billi tidderieġi mill-ġdid il-finanzjament mill-awtoritajiet lejn is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, inkluż fis-Sirja

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aħħar żviluppi fis-Sirja.

Ir-Rappreżentant Għoli infurmat lill-ministri tal-UE dwar il-parteċipazzjoni tagħha f'laqgħa internazzjonali ospitata mir-Renju tal-Ġordan, fejn iltaqgħet mal-ministri għall-affarijiet barranin tal-pajjiżi Għarab, kif ukoll mat-Turkija u l-Istati Uniti, biex tiddiskuti l-prinċipji bażiċi tad-djalogu mat-tmexxija l-ġdida tas-Sirja. Ir-Rappreżentant Għoli ħabbret ukoll li l-Kap tad-delegazzjoni tal-UE għas-Sirja - attwalment stazzjonat fil-Libanu - ivvjaġġa lejn Damasku bl-għan li jibni kuntatt mal-awtoritajiet il-ġodda tal-pajjiż u jwassal il-messaġġi tal-UE.

Id-diskussjoni tal-Kunsill enfasizzat il-qbil tal-UE dwar il-prinċipji tal-integrità territorjali, l-indipendenza u s-sovranità tas-Sirja, kif ukoll ir-responsabbiltà, l-inklużività, ir-rispett tal-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa. Il-ministri kkonfermaw li l-proċess ta' tranżizzjoni jeħtieġ li jkun immexxi mis-Sirja u bi sjieda Sirjana, u jirrifletti lill-poplu Sirjan fid-diversità kollha tiegħu.

L-estremiżmu, ir-Russja u l-Iran m'għandhomx ikollhom post fil-futur tas-Sirja.

Kaja Kallas, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u President tal-Kunsill Affarijiet Barranin

Ir-Rappreżentant Għoli enfasizzat li l-Unjoni Ewropea tibqa' l-akbar donatur ta' għajnuna umanitarja lill-poplu Sirjan, kif muri mill-pont tal-ajru stabbilit mill-UE immedjatament wara l-waqgħa tar-reġim, li pprovda 100 tunnellata ta' għajnuna umanitarja b'appoġġ għas-saħħa, l-edukazzjoni u r-refuġju.

L-UE ser torganizza d-disa' Konferenza Brussell-Sirja fl-2025 biex tappoġġa lill-poplu Sirjan matul it-tranżizzjoni.

Il-Kunsill imbagħad iddiskuta żviluppi usa' fil-Lvant Nofsani u f'Gaża.

Il-ministri tennew l-appell tagħhom għal waqfien mill-ġlied, ir-rilaxx ta' ostaġġi, u l-għoti ta' għajnuna umanitarja suffiċjenti u mingħajr xkiel. Huma kkonfermaw ukoll l-appoġġ tagħhom għal soluzzjoni ta' żewġ stati.

Ir-Rappreżentant Għoli ħabbret li pproponiet l-organizzazzjoni ta' Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma' Iżrael mill-aktar fis possibbli, li ser jiġi segwit mill-ewwel djalogu ta' livell għoli mal-Awtorità Palestinjana.

Ġrajjiet kurrenti

Taħt Ġrajjiet Kurrenti, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-Belarussja, qabel l-hekk imsejħa elezzjoni presidenzjali skedata għas-26 ta' Jannar 2025.

Konklużjonijiet tal-Kunsill u deċiżjonijiet oħra

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar:

- it-tisħiħ tal-konnessjonijiet esterni u interni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti

- it-tisħiħ tal-appoġġ ta' Tim Ewropa għas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni globali

- il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika

- il-prijoritajiet għall-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa 2025-2026

Il-Kunsill ikkonkluda wkoll l-ewwel rieżami ta' nofs it-terminu tiegħu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025