"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim dwar il-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti transfruntieri fis-settur agroalimentari
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar regolament li jikkonċerna regoli ġodda mmirati lejn il-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti transfruntieri fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari.
Dan ir-regolament għandu l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-UE responsabbli għall-infurzar tar-regoli dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Huwa parti mill-isforzi tal-UE biex tappoġġa l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista.
Ninsab kuntent li lħaqna kompromess mal-Parlament Ewropew rigward il-proposta dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-istati membri. Dan ma jbiddilx id-direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti, iżda dan il-kompromess ser jiżgura kooperazzjoni aktar faċli bejn l-istati membri dwar l-infurzar, mingħajr ma tiżdied burokrazija bla bżonn għas-settur agroalimentari.
Jacob Jensen, Ministru għall-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd tad-Danimarka
Elementi ewlenin tal-ftehim
Il-ftehim għandu l-għan li jistabbilixxi sett komprensiv ta' regoli għall-kooperazzjoni transfruntiera kontra prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Dan itejjeb il-kooperazzjoni tranżnazzjonali f'każijiet fejn il-fornituri u x-xerrejja jkunu jinsabu fi stati membri differenti.
Ir-regolament jintroduċi mekkaniżmu ta' assistenza reċiproka, li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar jitolbu u jiskambjaw informazzjoni, jew jikkollaboraw fuq investigazzjonijiet relatati ma' prattiki kummerċjali inġusti. Ser jippermettilhom ukoll jikkoordinaw azzjonijiet ta' infurzar u jinnotifikaw lil stati membri oħra dwar deċiżjonijiet relatati ma' prattiki kummerċjali inġusti.
Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tintroduċi regoli dwar il-kopertura tal-ispejjeż f'każijiet ta' assistenza reċiproka, dwar il-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni biex jiġi żgurat li l-fornituri jibqgħu protetti mir-ritaljazzjoni.
Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi wkoll mekkaniżmu għal azzjoni koordinata f'każijiet ta' prattiki kummerċjali inġusti transfruntieri fuq skala kbira li jinvolvu mill-inqas tliet pajjiżi tal-UE. F'każijiet bħal dawn, stat membru jintgħażel biex jikkoordina r-rispons.
Ir-regolament fih regoli għall-kooperazzjoni bejn l-istati membri f'każijiet ta' prattiki kummerċjali inġusti minn xerrejja minn barra l-UE, sabiex il-bdiewa Ewropej jiġu protetti aħjar.
Il-passi li jmiss
Il-ftehim proviżorju issa ser jiġi approvat mill-Kunsill u mill-Parlament, qabel ma jiġi adottat formalment.
Kuntest
Fl-2019, id-direttiva dwar il-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti daħlet fis-seħħ bl-għan li jiġu indirizzati l-iżbilanċi fis-saħħa tan-negozjar bejn il-fornituri u x-xerrejja ta' prodotti agrikoli. B'mod partikolari, l-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-bdiewa li, pereżempju, ibigħu l-prodotti tagħhom lil supermarkets kbar u lil kumpaniji tal-ipproċessar tal-ikel.
Abbażi tal-esperjenza miksuba minn dakinhar 'l hawn, il-Kummissjoni qieset li jeħtieġ li tiġi indirizzata d-dimensjoni transfruntiera tal-prattiki kummerċjali inġusti. Fil-fatt, bħala medja, madwar 20% tal-prodotti agrikoli u alimentari kkunsmati fi stat membru tal-UE jiġu minn stat membru ieħor.
Il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha f'Diċembru 2024, bħala parti mill-isforzi tal-UE biex ittejjeb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista agroalimentari. Ir-regoli proposti jirriflettu wkoll direttament diversi rakkomandazzjonijiet tad-djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE u jirrispondu għal xi wħud mill-aktar sfidi urġenti li qed jiffaċċja s-settur agrikolu.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin: