"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal: l-UE taqbel dwar regoli tal-liġi kriminali aktar b'saħħithom u appoġġ imsaħħaħ għall-vittmi
Illum, ir-rappreżentanti tal-Presidenza tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju dwar l-aġġornament tar-regoli tal-liġi kriminali tal-UE dwar l-abbuż sesswali tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal. Ir-regoli riveduti ser ikopru aktar reati, jistabbilixxu pieni ogħla u jiżguraw prosekuzzjoni aktar effettiva, anke permezz taż-żieda fil-perjodi ta' preskrizzjoni. Biex it-tfal jiġu protetti aħjar, il-qafas il-ġdid jipprovdi regoli ċari dwar il-kwistjoni tal-kunsens u jsaħħaħ l-assistenza lill-vittmi.
Dan il-ftehim proviżorju għad irid jiġi kkonfermat miż-żewġ istituzzjonijiet qabel ma jgħaddi mill-proċedura ta' adozzjoni formali.
Huwa d-dmir tagħna li nipproteġu lit-tfal mill-abbuż sesswali. Illum, qed nieħdu pass deċiżiv biex insaħħu dik il-protezzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha.
B'dawn il-miżuri l-ġodda, it-tfal ser jiġu ssalvagwardati aħjar kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali, inkluż meta t-trasgressuri jużaw teknoloġiji emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali, biex jilħqu lit-tfal.
It-trasgressuri ser jiffaċċaw konsegwenzi aktar ħorox u jitressqu quddiem il-ġustizzja, anke ħafna snin wara li jkunu twettqu r-reati tagħhom. Fl-istess ħin, qed insaħħu l-appoġġ għall-vittmi, filwaqt li nirrikonoxxu li l-konsegwenzi tal-abbuż jistgħu jdumu tul il-ħajja kollha.
Costas Fytiris, Ministru għall-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku tar-Repubblika ta' Ċipru
Elementi ewlenin tal-ftehim
Definizzjoni usa' tar-reati kriminali
Ir-regoli l-ġodda jaġġornaw ir-reati kriminali eżistenti u joħolqu wkoll oħrajn ġodda sabiex jiżguraw li l-forom kollha ta' abbuż u sfruttament sesswali tat-tfal jiġu kriminalizzati inkluż l-użu ta' żviluppi teknoloġiċi biex jitwettqu dawn ir-reati.
Skont ir-regoli l-ġodda, il-ħlas biex jiġi aċċessat streaming dirett ta' abbuż sesswali tat-tfal ser ikun jista' jiġi kkastigat. Barra minn hekk, it-tfassil jew l-adattament tas-sistemi tal-IA għall-produzzjoni ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll id-distribuzzjoni ta' sistemi bħal dawn, ser jitqiesu bħala reat kriminali. Dan l-aġġornament kien meħtieġ minħabba li qed jitfaċċa dejjem aktar materjal ta' abbuż deepfake jew iġġenerat mill-IA.
Il-grooming, jiġifieri s-solleċitazzjoni ta' tfal taħt l-età tal-kunsens sesswali biex jiġi prodott jew kondiviż materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal ser jitqies bħala reat kriminali. Meta t-tfal ikunu qabżu l-età tal-kunsens sesswali, is-solleċitazzjoni titqies bħala reat kriminali f'każ ta' koerċizzjoni jew theddid, kif ukoll jekk it-trasgressur jirrappreżenta lilu nnifsu b'mod falz bħala pari.
L-istati membri ser ikollhom ukoll jikkastigaw l-estorsjoni sesswali tat-tfal, jiġifieri sitwazzjonijiet fejn trasgressur jhedded lit-tfal biex jiżvelaw materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal sabiex jiksbu flus jew aktar materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal bi skambju.
Novità oħra hija li s-sjieda u d-distribuzzjoni ta' struzzjonijiet dwar kif jitwettaq abbuż sesswali tat-tfal jew kif jiġi prodott materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal (pereżempju permezz ta' ktieb, gwida online jew prompt) ser ikunu jistgħu jiġu kkastigati.
Dispożizzjonijiet dwar il-kunsens
Ir-regoli riveduti jistabbilixxu b'mod aktar ċar li l-involviment f'attivitajiet sesswali ma' tfal li jkunu laħqu l-età tal-kunsens sesswali għandu jiġi kkastigat jekk it-tfal ma jagħtux il-kunsens tagħhom.
Ir-regoli jiċċaraw li l-kunsens ma jkunx preżenti jekk it-tfal ma jagħtux il-kunsens tagħhom b'mod volontarju abbażi ta' rieda ħielsa, jew jekk it-tfal ma jkunx jista' jkollhom rieda ħielsa, pereżempju meta jkunu reqdin, jew jekk ikunu inkonxji jew sorpriżi. Is-silenzju jew in-nuqqas ta' reżistenza tat-tfal waħedhom mhumiex kunsens, u lanqas mhuma relazzjonijiet passati jew eżistenti mal-awtur tar-reat. Ir-regoli jagħmluha ċara wkoll li l-kunsens jista' jiġi rtirat fi kwalunkwe ħin.
Kif inhu l-każ skont il-leġiżlazzjoni attwali, id-definizzjoni tal-età ta' kunsens sesswali, jiġifieri l-età li taħtha s-sehem f'attivitajiet sesswali mat-tfal huwa pprojbit, tibqa' kompetenza nazzjonali.
Perjodi ta' preskrizzjoni itwal - Tisħiħ tal-prosekuzzjoni
Ir-regoli aġġornati jistabbilixxu perjodu ta' żmien itwal li matulu r-reati jistgħu jiġu investigati u mħarrka wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri. Dan il-perjodu ta' żmien jiżdied sa 32 sena għall-istupru ta' tfal taħt u ‘l fuq mill-età tal-kunsens sesswali, kif ukoll f'każijiet fejn it-tfal jiġu mġiegħla jidħlu fil-prostituzzjoni. Dan ser jgħin jiżgura li l-vittmi ta' abbuż sesswali jkunu jistgħu jfittxu ġustizzja b'mod effettiv, meta jitqies li jista' jkollhom bżonn perjodu twil ta' żmien biex jirrappurtaw ir-reati li jkunu sofrew bħala tfal.
Ir-regoli l-ġodda ser jikkontribwixxu wkoll biex jagħmluha aktar faċli biex il-professjonisti li jaħdmu mat-tfal jirrappurtaw l-abbuż sesswali tat-tfal jew l-isfruttament sesswali tat-tfal.
Pieni ogħla
Il-pieni għal diversi reati żdiedu, lil hinn mil-livell tad-Direttiva attwali.
Appoġġ imsaħħaħ għall-vittmi
L-appoġġ għall-vittmi tal-abbuż u tal-isfruttament sesswali tat-tfal ser jittejjeb. Skont ir-regoli riveduti, il-helplines ser jinfurmaw lill-vittmi dwar l-appoġġ disponibbli għalihom. Il-vittmi tfal irid ikollhom aċċess f'waqtu għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, mingħajr ħlas, kif ukoll għall-għajnuna legali. Id-direttiva l-ġdida tinkludi wkoll regoli dwar akkomodazzjoni interim għall-vittmi.
L-istati membri għandhom jiżguraw li l-vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal ikollhom id-dritt li jitolbu kumpens mingħand l-awtur tar-reat.
Il-passi li jmiss
Il-ftehim proviżorju issa ser ikollu jiġi approvat mill-Kunsill u mill-Parlament. Dan imbagħad jiġi adottat formalment miż-żewġ istituzzjonijiet wara reviżjoni mill-ġuristi lingwisti.
Il-gvernijiet nazzjonali ser ikollhom imbagħad 3 snin biex jadattaw il-kodiċijiet tal-liġi kriminali tagħhom biex iġibuhom konformi mad-direttiva riveduta tal-UE.
Informazzjoni ġenerali
Ir-regoli attwali tal-liġi kriminali tal-UE dwar l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal ġew miftiehma fl-2011. Iż-żieda fil-preżenza online tat-tfal u l-iżviluppi teknoloġiċi joħolqu sfidi għall-infurzar tal-liġi u joħolqu possibbiltajiet ġodda għall-abbuż. Ir-regoli riveduti maqbula llum għandhom l-għan li jindirizzaw dawn l-iżviluppi.
L-aġġornament tar-regoli tal-liġi kriminali huwa komplementari għal proposta li tistabbilixxi obbligi għall-kumpaniji tal-internet biex jidentifikaw, jirrappurtaw u jneħħu materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq is-servizzi tagħhom. In-negozjati fuq din il-proposta għadhom għaddejjin.