Summit tal-Euro
Ir-rwol tas-Summit tal-Euro
Is-Summit tal-Euro huwa laqgħa tal-istati membri taż-żona tal-euro. L-għan huwa li jipprovdi gwida ta' politika biex jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja. Dan jgħin fil-koordinazzjoni tal-oqsma ta' politika rilevanti kollha bejn l-istati membri taż-żona tal-euro.
Diskussjonijiet regolari dwar ir-responsabbiltajiet speċifiċi relatati mas-sħubija fiż-żona tal-euro jagħtu wkoll lill-pajjiżi taż-żona tal-euro l-possibbiltà li jieħdu kont akbar tad-dimensjoni taż-żona tal-euro fit-tfassil tal-politika nazzjonali tagħhom.
Peress li l-kwistjonijiet relatati maż-żona tal-euro għandhom importanza politika u ekonomika għall-pajjiżi kollha tal-UE, dawn jiġu wkoll regolarment diskussi waqt il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.
Laqgħat
Is-summits tal-euro jsiru mill-inqas darbtejn fis-sena. Normalment isiru flimkien mal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.
L-arranġamenti għas-summits huma stabbiliti fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG), u fir-regoli ta' proċedura, adottati fl-14 ta' Marzu 2013.
Membri
Il-membri tas-Summit tal-Euro huma l-kapijiet ta' stat jew ta' gvern mill-pajjiżi taż-żona tal-euro, il-President tas-Summit tal-Euro u l-President tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk:
- il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew ikun mistieden jieħu sehem
- il-President tal-Grupp tal-Euro jista' jkun mistieden jieħu sehem, peress li l-Grupp tal-Euro hu responsabbli għat-tħejjija u s-segwitu tas-summits
- il-President tal-Parlament Ewropew jista' wkoll ikun mistieden jitkellem
Fejn ikun adatt, u mill-inqas darba fis-sena, il-mexxejja tal-istati membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li rratifikaw it-TSKG jieħdu sehem ukoll fis-summits.
President
Il-mexxejja taż-żona tal-euro jaħtru l-president tas-Summit tal-Euro b'maġġoranza sempliċi fl-istess ħin li l-Kunsill Ewropew jeleġġi l-president tiegħu u għall-istess mandat, li huwa ta' sentejn u nofs u li jista' jiġġedded darba. Sa issa, l-istess persuna kienet il-president tas-Summit tal-Euro u l-president tal-Kunsill Ewropew. Bħalissa, it-titlu qiegħed għand António Costa.
Hi r-responsabbiltà tal-president tas-Summit tal-Euro li jsejjaħ, jippresiedi u jidderieġi s-summits. Hu jew hi jiddiskutu wkoll mal-President tal-Kummissjoni u mal-President tal-Grupp tal-Euro kwistjonijiet marbuta maż-żona tal-euro.
Il-President tas-Summit tal-Euro jindirizza lill-Parlament Ewropew wara kull summit. Hu jew hi jinfurmaw lill-istati membri kollha li mhumiex fiż-żona tal-euro dwar it-tħejjija u l-eżitu tas-summits.
L-istorja
Il-mexxejja taż-żona tal-euro ltaqgħu fil-konfigurazzjoni tas-Summit taż-Żona tal-Euro għall-ewwel darba fit-12 ta' Ottubru 2008 f'Pariġi, fejn qablu dwar azzjoni miftiehma b'rispons għall-kriżi ekonomika. Aktar Summits f'din il-konfigurazzjoni saru f'Mejju 2010, Marzu 2011, Lulju 2011 u Ottubru 2011 fi Brussell. Fl-2012, il-kwistjonijiet relatati maż-żona tal-euro kienu trattati prinċipalment fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.
Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012, 25 mexxej Ewropew iffirmaw it-TSKG. Dak it-trattat, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013, ifformalizza s-Summit tal-Euro.
L-organizzazzjoni tas-Summit tal-Euro u r-rwol tal-president tiegħu huma stabbiliti fl-Artikolu 12 tat-TSKG.
L-ewwel Summit tal-Euro wara d-dħul fis-seħħ tat-TSKG sar fl-14 ta' Marzu 2013.
Dokumenti
Id-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet relatati mas-summits tal-Euro mill-2010 sal-2014 huma disponibbli permezz tal-ħolqa li ġejja:
Dokumenti u pubblikazzjonijiet relatati
L-aħħar reviżjoni: 20 ta' April 2026