Skip to content

Unjoni ekonomika u monetarja

L-unjoni ekonomika u monetarja tinvolvi l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-istati membri flimkien ma' politika monetarja unika għall-istati membri li introduċew l-euro. Hija tikkontribwixxi għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku.

Kif taħdem l-unjoni ekonomika u monetarja

L-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) hija wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni Ewropea. Hija tappoġġa l-istabbiltà ekonomika u t-tkabbir b'livell għoli ta' impjieg u finanzi pubbliċi sostenibbli fl-istati membri.

F'termini prattiċi, l-UEM tinvolvi:

  • unjoni ekonomika: koordinazzjoni tal-politiki fiskali u ekonomiċi nazzjonali abbażi ta' regoli u rakkomandazzjonijiet komuni, l-aktar fil-proċess tas-Semestru Ewropew
  • unjoni monetarja: politika monetarja unika għaż-żona tal-euro, stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li huwa indipendenti

L-UEM hija kkomplementata minn:

  • unjoni bankarja: regoli aktar armonizzati għas-settur finanzjarju Ewropew, superviżjoni u riżoluzzjoni bankarja ċentralizzati fiż-żona tal-euro
  • unjoni tas-swieq kapitali: regoli li jippromwovu l-kondiviżjoni tar-riskju privat u aċċess imtejjeb għall-finanzjament

Min jipparteċipa fl-unjoni ekonomika u monetarja?

L-istati membri kollha tal-UE huma parti mill-unjoni ekonomika u flimkien jiffurmaw is-suq uniku. Huma xorta jżommu kontroll tal-politiki ekonomiċi tagħhom bl-eċċezzjoni tal-politika monetarja għal dawk li jappartjenu għaż-żona tal-euro, iżda jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom f'koordinazzjoni mill-qrib, abbażi tar-regoli u r-rakkomandazzjonijiet tal-UE.

Bil-fluss liberu tiegħu ta' oġġetti, servizzi, persuni u kapital, is-suq uniku jikkomplementa l-UEM.

L-21 stat membru li diġà adottaw il-munita unika – l-euro – jiffurmaw l-unjoni monetarja Ewropea.

L-UE stabbiliet l-hekk imsejħa kriterji ta' konverġenza biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jissieħbu fiż-żona tal-euro. Sabiex jikkwalifikaw biex jidħlu fiż-żona tal-euro, il-pajjiżi jeħtieġ li jkollhom:

  • inflazzjoni baxxa
  • finanzi pubbliċi sostenibbli
  • rati tal-kambju stabbli
  • rati tal-imgħax sostenibbli

L-istorja tal-unjoni ekonomika u monetarja

L-unjoni ekonomika u monetarja tista' titqies bħala ħidma li għadha għaddejja peress li hija r-riżultat ta' proċess kontinwu ta' integrazzjoni ekonomika fl-UE.

Fl-1957 l-istati membri ddeċidew li jibnu suq komuni. Maż-żmien deher ċar li biex is-suq intern ikompli jiżviluppa u joktor kienet meħtieġa kooperazzjoni ekonomika u monetarja aktar mill-qrib.

Id-deċiżjoni li l-UE għandha tistabbilixxi "unjoni ekonomika u monetarja", bl-euro bħala l-munita unika tagħha, ittieħdet formalment mill-Kunsill Ewropew f'Maastricht (in-Netherlands) f'Diċembru 1991. Il-prinċipji tal-UEM huma stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, magħruf ukoll bħala t-Trattat ta' Maastricht.

L-UEM inbniet fi tliet stadji, bit-tielet fażi tilħaq il-qofol tagħha bit-tnedija tal-euro, il-munita unika, f'Jannar 1999. Għall-ewwel tliet snin, l-euro ntużat bħala unità kontabilistika u għall-pagamenti elettroniċi biss. Il-muniti u l-karti tal-flus tal-euro nħarġu fl-1 ta' Jannar 2002.

Approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja

Wara l-kriżi tad-dejn sovran li żviluppat fl-2009-2010 b'riżultat tal-kriżi finanzjarja, u li kixfet aspetti neqsin fil-governanza taż-żona tal-euro, l-UE ħadet miżuri biex issaħħaħ l-unjoni ekonomika u monetarja tagħha.

Ġie deċiż li:

  • jitwaqqaf il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà
  • jittejjeb il-qafas tal-governanza ekonomika
  • titnieda unjoni bankarja

Matul il-kriżi tad-dejn sovran, għadd ta' stati membri taż-żona tal-euro rċevew self ta' assistenza finanzjarja li jakkumpanja programmi ta' aġġustament. Għall-bidu, dan is-self ġie pprovdut permezz ta' strumenti temporanji. Madankollu, fl-2012 il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) twaqqaf bħala strument permanenti. Dan jista' jipprovdi assistenza finanzjarja lil pajjiżi taż-żona tal-euro li qed jesperjenzaw diffikultà finanzjarja li tista' toħloq riskji għal stati membri oħra jew għaż-żona tal-euro kollha kemm hi.

L-UE rrevediet kompletament il-qafas ta' governanza ekonomika tagħha fl-2011 u l-2013 sabiex tipprevjeni u, fejn meħtieġ, tikkoreġi l-iżbilanċi fiskali u makroekonomiċi. Ir-regoli l-ġodda saru magħrufa bħala l-leġiżlazzjoni ''six-pack'' u ''two-pack'' rispettivament minħabba l-għadd ta' atti legali adottati kull darba. Dan kien jinkludi t-tisħiħ tar-regoli fiskali komuni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Tnedija tal-unjoni bankarja

Is-Summit tal-Euro ta' Ġunju 2012 irrikonoxxa l-ħtieġa għal settur bankarju stabbli u li jiffunzjona tajjeb, b'mod partikolari għaż-żona tal-euro. Il-mexxejja tal-UE ħadu d-deċiżjoni li jniedu unjoni bankarja. Bl-unjoni bankarja, l-UE trid tippromwovi l-integrazzjoni finanzjarja u tiżgura li l-banek mhux vijabbli ma jiġux salvati bl-użu tal-flus tal-kontribwenti.

L-unjoni bankarja bdiet biċ-ċentralizzazzjoni tas-superviżjoni tal-banek il-kbar fil-Bank Ċentrali Ewropew permezz tat-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Aktar tard, bil-ħolqien tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM), ġie miżjud it-tieni pilastru, li ċċentralizza r-riżoluzzjoni bankarja.

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti

Fl-2015, il-presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-Euro ppubblikaw rapport li ddeskriva pjan direzzjonali għall-UEM, magħruf ukoll bħala r-"Rapport tal-Ħames Presidenti".

L-UE implimentat għadd ta' rakkomandazzjonijiet tar-rapport fix-xhur ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Dawn kienu jinkludu:

  • it-twaqqif ta' Bord Fiskali Ewropew
  • il-bidu ta' diskussjonijiet dwar it-tlestija tal-unjoni bankarja, inkluż skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti
  • pjan ta' azzjoni dwar l-unjoni tas-swieq kapitali

F'Diċembru 2017, il-mexxejja identifikaw it-tlestija tal-unjoni bankarja u l-iżvilupp ulterjuri tal-MES bħala oqsma ta' prijorità. F'Diċembru 2018, huma kkunsidraw "strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività" (BICC) għaż-żona tal-euro.

Żvilupp ulterjuri tal-MES

Wara l-mandat li rċevew il-mexxejja taż-żona tal-euro fis-Summit tal-Euro ta' Diċembru 2018, il-Grupp tal-Euro ħadem fuq trattat rivedut dwar il-MES sa Ġunju 2019. Il-bidliet jipprevedu użu aktar effettiv u flessibbli tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), inkluż:

  • linja ta' kreditu prekawzjonarja tal-MES aktar aċċessibbli għall-istati membri li jistgħu jkunu jeħtieġu appoġġ finanzjarju
  • rwol aktar b'saħħtu għall-MES fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kriżijiet ekonomiċi fiż-żona tal-euro
  • approċċ aktar trasparenti għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-istati membri
  • linja ta' kreditu, jew "garanzija ta' kontinġenza komuni", għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni tal-unjoni bankarja

F'Novembru 2020, bdew il-proċessi ta' ratifika nazzjonali. It-Trattat rivedut dwar il-MES ser jidħol fis-seħħ ladarba l-istati membri kollha taż-żona tal-euro jkunu rratifikawh.

Strument baġitarju komuni

F'Ġunju 2019, il-Grupp tal-Euro qabel ukoll dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-BICC għaż-żona tal-euro, u għall-istati membri tal-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tal-UE (ERM II) fuq bażi volontarja. L-UE stabbiliet il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM II) fl-1 ta' Jannar 1999 bħala suċċessur għall-ERM. L-ERM II jiżgura li l-fluttwazzjonijiet fir-rati tal-kambju bejn l-euro u muniti oħra tal-UE ma jfixklux l-istabbiltà ekonomika fis-suq uniku. Jgħin ukoll lill-pajjiżi jħejju ruħhom biex jissieħbu fiż-żona tal-euro.

Il-BICC kien maħsub biex jipprovdi inċentivi finanzjarji għal riformi strutturali u investimenti pubbliċi sabiex jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji taż-żona tal-euro u r-reżiljenza tal-munita unika kontra xokkijiet ekonomiċi.

Il-ħidma fuq il-BICC ġiet sospiża meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19 fl-2020. Madankollu serva bħala ispirazzjoni għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li hija l-qofol tal-pjan temporanju ta' rkupru Next Generation EU.

Il-programm ipprovda lill-istati membri b'għotjiet u self imdaqqsa tal-UE biex jappoġġaw l-investiment u r-riformi meħtieġa biex jappoġġaw l-ekonomiji tagħhom wara l-pandemija u biex jimplimentaw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. B'mod ġenerali, l-UEM uriet li kienet aktar reżiljenti minn għaxar snin qabel.

It-tlestija tal-unjoni bankarja

Fl-2021 u l-2022, il-Grupp tal-Euro reġa' fetaħ id-diskussjonijiet dwar it-tlestija tal-unjoni bankarja. Il-ministri eżaminaw kwistjonijiet bħall-ġestjoni tal-kriżijiet, l-assigurazzjoni tad-depożiti, l-integrazzjoni transkonfinali, u s-salvagwardji tal-istabbiltà finanzjarja.

F'Ġunju 2022, il-Grupp tal-Euro adotta dikjarazzjoni dwar il-futur tal-unjoni bankarja. Il-ministri qablu li, fl-immedjat, il-ħidma għandha tiffoka fuq it-tisħiħ tal-qafas komuni għall-iskemi tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI).

Il-Kummissjoni tat segwitu għal dan f'April 2023 billi ppreżentat proposta leġiżlattiva biex tkompli ssaħħaħ il-qafas CMDI tal-UE, b'enfasi fuq banek ta' daqs medju u iżgħar.

Riforma ewlenija tal-qafas tal-governanza ekonomika

L-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqu sfidi ġodda għall-ekonomija tal-UE, f'kuntest ta' livelli ta' dejn u rati tal-imgħax ogħla u għanijiet ġodda ta' investiment u riforma. Għalhekk, l-UE aġġornat aktar il-qafas tal-governanza ekonomika tagħha biex tagħmlu adattat għall-futur.

L-objettiv ewlieni tar-riforma huwa li jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, filwaqt li jiġi promoss tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta' riformi u investiment.

Fid-29 ta' April 2024, il-Kunsill adotta l-pakkett ta' leġiżlazzjoni li jirriforma l-qafas ta' governanza ekonomika u fiskali tal-UE. Ir-regoli l-ġodda daħlu fis-seħħ fit-30 ta' April 2024.

Ħarsa 'l quddiem

L-istituzzjonijiet tal-UE u l-istati membri jkomplu jaħdmu biex jadattaw l-UEM għal dinja u ħtiġijiet li qed jinbidlu.

Għaddejja wkoll ħidma dwar il-ħolqien possibbli ta' euro diġitali.

L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Jannar 2026