"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content
Page is loading

Kronoloġija: Storja

Film: "Minn kelmtejn bejn il-ħbieb għal protagonist fit-teħid tad-deċiżjonijiet"

Film: "Minn kelmtejn bejn il-ħbieb għal protagonist fit-teħid tad-deċiżjonijiet"

Dan id-dokumentarju jirrakkonta l-istorja tal-Kunsill Ewropew minn meta twaqqaf sal-ġurnata tal-lum. Juri l-passi importanti tul dawn l-aħħar deċennji li sawru l-mod kif il-mexxejja tal-UE jieħdu d-deċiżjonijiet.

L-istorja tingħad mill-perspettiva ta' dawk li raw it-trasformazzjoni tal-Kunsill Ewropew fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet li huwa llum.

Skopri aktar dwar l-avvenimenti u t-trattati li sawru r-rwoli tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill tal-UE, tal-Grupp tal-Euro u s-Summit tal-Euro.

  • 1950

    Id-Dikjarazzjoni ta' Schuman

    Il-ministru għall-affarijiet barranin Franċiż Robert Schuman ħabbar il-ħolqien ta' Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar taħt il-kontroll ta' awtorità għolja komuni. Il-pedamenti għall-Unjoni Ewropea kienu ġew stabbiliti, abbażi ta' żewġ prinċipji ewlenin: il-paċi u s-solidarjetà.

  • 1952

    23 ta' Lulju

    It-Trattat ta' Pariġi

    It-Trattat ta' Pariġi jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) li toħloq suq komuni għall-faħam u l-azzar. Dan inaqqas l-isfiduċja u t-tensjonijiet bejn pajjiżi ġirien Ewropej wara t-Tieni Gwerra Dinjija. It-Trattat KEFA, li skada fl-2002, huwa l-ewwel trattat fundatur tal-Komunità Ewropea.

    Il-firma tat-Trattat ta' Pariġi fit-18 ta' April 1951
  • 1952

    8 ta' Settembru

    L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Speċjali tal-Ministri tal-KEFA

    Issir fil-Lussemburgu l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Speċjali tal-Ministri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li eventwalment sar il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

  • 1958

    1 ta' Jannar

    It-Trattati ta' Ruma

    It-Trattati ta' Ruma jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). Issir l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-KEE fil-25 ta' Jannar 1958 b'Victor Larock, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju, bħala president.

  • 1965

    2 ta' Lulju

    Il-kriżi tas-"siġġu vojt"

    Fl-1965 Franza tħabbar li mhix ser tattendi l-laqgħat tal-Kunsill minħabba nuqqas ta' qbil man-negozjati dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni. Il-kriżi tiġi riżolta aktar tard bis-saħħa tal-kompromess tal-Lussemburgu tal-1966, li jimplimenta l-votazzjoni b'unanimità meta jkunu involuti interessi ta' importanza kbira.

    Franza tiddeċiedi li ma tattendix il-laqgħat tal-Kunsill minħabba nuqqas ta' qbil dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni
  • 1967

    1 ta' Lulju

    It-Trattati li Jgħaqqdu

    Dawn iż-żewġ trattati (1967 u 1971) jintroduċu Kunsill uniku, Kummissjoni unika u baġit uniku għat-tliet Komunitajiet (KEFA, Euratom u KEE). Il-Coreper huwa formalizzat bħala korp preparatorju tal-Kunsill.

  • 1973

    1 ta' Jannar

    L-ewwel tkabbir

    Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, b'hekk l-għadd ta' stati membri jitla' għal disgħa.

    Il-firma tat-Trattat tal-Adeżjoni mal-UE tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit
  • 1974

    9 ta' Diċembru

    Il-ħolqien tal-Kunsill Ewropew

    Wara s-summit ta' Copenhagen f'Diċembru 1973, li ppreveda li jsiru summits kull meta jkun meħtieġ, is-summit ta' Pariġi ta' Diċembru 1974, ospitat mill-President Valéry Giscard d'Estaing, joħloq il-Kunsill Ewropew. Dan inħoloq bl-intenzjoni li jiġi stabbilit forum informali għal diskussjoni bejn il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern.

  • 1975

    11 ta' Marzu

    L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ewropew

    Il-Kunsill Ewropew il-ġdid jiltaqa' l-ewwel darba f'Marzu 1975 f'Dublin.

    L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Dublin fil-11 ta' Marzu 1975
  • 1981

    1 ta' Jannar

    Il-Greċja tissieħeb fl-UE

    L-għadd ta' membri tal-UE jilħaq ċifri doppji meta tissieħeb il-Greċja.

  • 1985

    14 ta' Ġunju

    Il-Ftehim ta' Schengen

    Jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Schengen dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri mill-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands f'Schengen (il-Lussemburgu).

    Il-Ftehim ta' Schengen b'mod gradwali ser jippermetti li n-nies jivvjaġġaw mingħajr ma jiġu ċċekkjati l-passaporti tagħhom fil-fruntieri interni. L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Schengen tibda aktar tard, fl-1995.

  • 1985

    28 u 29 ta' Ġunju

    Il-Kunsill Ewropew jadotta l-bandiera tal-UE

    Il-Kunsill Ewropew formalment jadotta l-bandiera bħala l-logo uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

  • 1985

    2 ta' Diċembru

    Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu

    Il-Kunsill Ewropew jilħaq qbil politiku li jwitti t-triq għall-adozzjoni tal-Att Uniku Ewropew.

  • 1986

    1 ta' Jannar

    Spanja u l-Portugall isiru membri tal-UE

    Spanja u l-Portugall jissieħbu fl-UE, u jtellgħu l-għadd ta' membri tal-Komunitajiet Ewropej għal 12.

    Spanja u l-Portugall jissieħbu mal-UE fl-1 ta' Jannar 1986
  • 1987

    1 ta' Lulju

    L-Att Uniku Ewropew

    L-Att Uniku Ewropew (Single European Act - SEA) jistabbilixxi s-suq intern, li jipprevedi l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital. Huwa jniedi l-kooperazzjoni dwar il-politika barranija u jestendi l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kunsill.

    L-Att Uniku Ewropew jagħti wkoll bażi ġuridika lill-Kunsill Ewropew, b'hekk jifformalizza l-laqgħat tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern.

  • 1992

    11 ta' Diċembru

    Seduti pubbliċi

    Il-Kunsill Ewropew ta' Edinburgu tal-1992 iniedi d-dibattiti pubbliċi, prattika li ġiet estiża b'mod sostanzjali matul is-snin, l-aktar reċentement bit-Trattat ta' Lisbona.

    Illum id-dibattiti u d-deliberazzjonijiet pubbliċi tal-Kunsill jistgħu jiġu segwiti fuq is-sit web.

  • 1993

    1 ta' Novembru

    It-Trattat ta' Maastricht

    Jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Maastricht, li joħloq l-Unjoni Ewropea bbażata fuq pilastru ''Komunitarju'' estiż. Dan joħloq l-unjoni ekonomika u monetarja u jistabbilixxi żewġ pilastri ġodda: il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni (ĠAI).

    Il-Kunsill Ewropew jikseb status formali fit-Trattat ta' Maastricht. Huwa definit bħala li jagħti l-impetu u l-linji gwida politiċi ġenerali għall-iżvilupp tal-UE.

    It-Trattat ta' Maastricht jibda wkoll il-mixja lejn l-euro u jniedi l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).

    Il-firma tat-Trattat ta' Maastricht fis-7 ta' Frar 1992
  • 1995

    1 ta' Jannar

    Ir-raba' tkabbir tal-UE

    L-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fl-UE. Il-15-il membru issa jkopru kważi l-Ewropa tal-Punent kollha.

  • 1996

    1 ta' Jannar

    Il-Kunsill Ewropew jiltaqa' erba' darbiet fis-sena

    Mill-1996, il-Kunsill Ewropew jiltaqa' mill-inqas erba' darbiet fis-sena. Qabel, kienu meħtieġa biss żewġ laqgħat fis-sena.

  • 1997

    13 ta' Diċembru

    Il-ħolqien tal-Grupp tal-Euro

    Il-Kunsill Ewropew japprova l-ħolqien tal-Grupp tal-Euro, korp informali li jlaqqa' l-ministri għall-finanzi tal-pajjiżi li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ewwel laqgħa tal-Grupp tal-Euro ssir fl-4 ta' Ġunju 1998 fix-Chateau de Senningen fil-Lussemburgu.

  • 1999

    1 ta' Jannar

    Titwieled l-euro bħala munita virtwali

    Tiġi introdotta fi 11-il stat membru: l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja.

  • 1999

    1 ta' Mejju

    It-Trattat ta' Amsterdam

    It-Trattat ta' Amsterdam jistabbilixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u jintegra l-Ftehim ta' Schengen fil-liġi tal-UE. It-Trattat jimmodifika r-rwol tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jsir ukoll ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni.

    It-Trattat ta' Amsterdam
  • 2001

    1 ta' Jannar

    Il-Greċja tissieħeb fiż-żona tal-euro

    Il-Greċja ssir it-12-il Stat Membru tal-UE li jissieħeb fiż-żona tal-euro.

  • 2002

    1 ta' Jannar

    L-euro jidħol fiċ-ċirkolazzjoni

    Fl-1 ta' Jannar 2002 l-euro jibda jiċċirkola bħala karti tal-flus u muniti, u jieħu post il-muniti nazzjonali.

    L-euro jibda jiċċirkola bħala karti tal-flus u muniti
  • 2003

    1 ta' Frar

    It-Trattat ta' Nizza

    It-Trattat ta' Nizza jintroduċi r-riforma tal-istituzzjonijiet tal-UE, bi tħejjija għall-UE mkabbra futura ta' 27 Stat Membru. Il-Kunsill jiġi rriformat biex jiġi estiż l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, u biex jiġi introdott il-prinċipju ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-istati membri.

  • 2003

    1 ta' Ottubru

    Il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew isiru Brussell

    Minn Ottubru 2003, il-laqgħat formali kollha tal-Kunsill Ewropew jibdew isiru Brussell.

    It-22 dikjarazzjoni tat-Trattat ta' Nizza tistipula li l-laqgħat kollha tal-Kunsill Ewropew isiru fi Brussell ladarba l-UE jkollha 18-il stat membru.

    Ritratt tal-bini Europa fi Brussell.
    Il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew isiru fil-bini Europa fi Brussell mill-2017 'l hawn ©Philippe Samyn and Partners architects & engineers - lead and design partner, Studio Valle Progettazioni architects, Buro Happold engineers
  • 2004

    1 ta' Mejju

    L-akbar tkabbir tal-UE

    Għaxar pajjiżi ġodda jissieħbu fl-UE f'daqqa: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja. Dan huwa l-akbar tkabbir f'daqqa tal-UE f'termini ta' popolazzjoni u għadd ta' pajjiżi.

    Issa hemm 25 stat membru tal-UE.

  • 2004

    10 ta' Settembru

    L-ewwel President permanenti tal-Grupp tal-Euro

    Il-Grupp tal-Euro jiddeċiedi li jkollu president permanenti, maħtur għal perjodu ta' sentejn.

    Waqt laqgħa informali tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) f'Scheveningen, Jean-Claude Juncker ġie elett bħala l-ewwel President permanenti tal-Grupp tal-Euro. Il-mandat tiegħu huwa mill-1 ta' Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2006.

    Jean-Claude Juncker, l-ewwel President permanenti tal-Grupp tal-Euro
  • 2006

    1 ta' Settembru

    Jean-Claude Juncker jinħatar mill-ġdid President tal-Grupp tal-Euro

    Huwa jiġi elett bħala President tal-Grupp tal-Euro għat-tieni mandat.

  • 2007

    1 ta' Jannar

    Il-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu fl-UE

    Il-Bulgarija u r-Rumanija jsiru membri tal-UE, biex b'hekk l-għadd ta' stati membri jitla' għal 27.

    Is-sħubija tal-UE tikber għal 27, wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-UE
  • 2007

    1 ta' Jannar

    Is-Slovenja tissieħeb fiż-żona tal-euro

    Is-Slovenja ssir it-13-il stat membru tal-UE li jadotta l-euro bħala l-munita tiegħu.

  • 2008

    1 ta' Jannar

    Ċipru u Malta jidħlu fiż-żona tal-euro

    Issa hemm 15-il membru taż-żona tal-euro.

  • 2008

    12 ta' Ottubru

    Jitwieled is-Summit taż-Żona tal-Euro

    Il-President Franċiż, Nicolas Sarkozy, jipproponi laqgħa regolari tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern taż-żona tal-euro. L-ewwel laqgħa ssir fit-12 ta' Ottubru 2008. Isiru summits sussegwenti f'Mejju 2010, Marzu 2011, Lulju 2011, u Ottubru 2011 fi Brussell.

    Il-laqgħat tas-Summit taż-Żona tal-Euro jgħinu biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika taż-żona tal-euro u jattendu għalihom ukoll il-President tas-Summit taż-Żona tal-Euro u l-President tal-Kummissjoni Ewropea.

  • 2009

    1 ta' Jannar

    Is-Slovakkja tissieħeb fiż-żona tal-euro

    Is-Slovakkja ssir is-16-il membru taż-żona tal-euro.

  • 2009

    19 ta' Novembru

    Herman Van Rompuy elett president tal-Kunsill Ewropew

    F'laqgħa informali fi Brussell fid-19 ta' Novembru 2009, il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE jaqblu b'mod unanimu li jaħtru lil Herman Van Rompuy bħala l-ewwel President permanenti tal-Kunsill Ewropew.

    Herman Van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew mill-2009 sal-2014
  • 2009

    1 ta' Diċembru

    It-Trattat ta' Liżbona

    Jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, li jirriforma l-istruttura tal-UE u l-mod kif tiffunzjona.

    Dan jestendi l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

    Il-Kunsill Ewropew isir istituzzjoni fiha nfisha bil-President tagħha stess. Qabel, il-Kunsill Ewropew kien korp informali u l-kariga ta' kap tal-Kunsill Ewropew kienet pożizzjoni mhux uffiċjali. Ir-rwol kien jittieħed mill-kap ta' stat jew ta' gvern tal-istat membru li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE.

    Il-firma tat-Trattat ta' Liżbona
  • 2009

    1 ta' Diċembru

    Il-Protokoll 14 għat-Trattat ta' Lisbona

    Il-Protokoll 14 għat-Trattat ta' Lisbona jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, u jistabbilixxi r-rwol tal-Grupp tal-Euro. Il-ministri tal-istati membri li l-munita tagħhom hija l-euro jiltaqgħu b'mod informali biex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-munita unika u jeleġġu president għal sentejn u nofs.

    It-Trattat ta' Lisbona jemenda wkoll ir-regoli tal-Kunsill tal-UE sabiex meta l-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin) fl-intier tiegħu jivvota dwar kwistjonijiet li jaffettwaw biss iż-żona tal-euro, il-membri tal-Grupp tal-Euro biss jitħallew jivvotaw.

  • 2009

    10 ta' Diċembru

    Kunsill Ewropew ippresedut minn Fredrik Reinfeldt

    Għall-aħħar darba, il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tiġi ppreseduta minn president jew prim ministru tal-istat membru li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill.

    Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2009 huwa ppresedut mill-Prim Ministru tal-Iżvezja, Fredrik Reinfeldt.

  • 2011

    1 ta' Jannar

    L-Estonja tissieħeb fiż-żona tal-euro

    L-Estonja ssir is-17-il pajjiż li jissieħeb fiż-żona tal-euro.

  • 2012

    1 ta' Marzu

    It-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

    Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-1 u t-2 ta' Marzu 2012, 25 mexxej Ewropew iffirmaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG).

    It-trattat jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013 u jifformalizza s-Summit taż-Żona tal-Euro. L-organizzazzjoni tas-Summit tal-Euro u r-rwol tal-President tiegħu huma stabbiliti fl-artikolu 12 tiegħu.

  • 2012

    1 ta' Marzu

    Herman Van Rompuy elett mill-ġdid

    Herman Van Rompuy huwa elett għat-tieni mandat tiegħu bħala President tal-Kunsill Ewropew, mill-1 ta' Ġunju 2012 sat-30 ta' Novembru 2014.

  • 2012

    10 ta' Diċembru

    L-UE tirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi

    Fl-2012, l-Unjoni tirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi tal-promozzjoni tal-kawżi tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.

    Waqt l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-UE, il-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel jgħid li d-deċiżjoni tiegħu hija bbażata fuq ir-rwol ta' stabilizzazzjoni li kellha l-UE fit-trasformazzjoni tal-parti l-kbira tal-Ewropa minn kontinent fi gwerra għal kontinent ta' paċi.

    L-UE tingħata l-Premju Nobel għall-Paċi 2012
  • 2013

    21 ta' Jannar

    Elezzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro

    Jeroen Dijsselbloem, Ministru għall-Finanzi Olandiż, jiġi elett President tal-Grupp tal-Euro. Huwa b'hekk it-tieni President permanenti tal-Grupp tal-Euro fl-istorja tal-Grupp tal-Euro.

    Jeroen Dijsselbloem
  • 2013

    14 ta' Marzu

    Regoli ta' proċedura tas-Summit taż-Żona tal-Euro

    L-ewwel Summit taż-Żona tal-Euro mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) sar fl-14 ta' Marzu 2013. F'din il-laqgħa, ġew adottati r-regoli għall-organizzazzjoni tas-Summits taż-Żona tal-Euro.

  • 2013

    1 ta' Lulju

    Il-Kroazja tissieħeb fl-Unjoni Ewropea

    Il-Kroazja ssir it-tieni pajjiż mill-ex-Jugoslavja li jissieħeb fl-UE, wara s-Slovenja.

    L-UE issa għandha 28 Stat Membru.

  • 2014

    1 ta' Jannar

    Il-Latvja tissieħeb fiż-żona tal-euro

    Il-Latvja ssir it-18-il membru taż-żona tal-euro.

  • 2014

    1 ta' Diċembru

    Donald Tusk isir President tal-Kunsill Ewropew

    Donald Tusk jissostitwixxi lil Herman Van Rompuy bħala President tal-Kunsill Ewropew. Il-mandat tiegħu huwa mill-1 ta' Diċembru 2014 sal-31 ta' Mejju 2017.

    Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2015

    1 ta' Jannar

    Il-Litwanja tissieħeb fiż-żona tal-euro

    Iż-żona tal-euro issa għandha 19-il membru: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja.

    Il-euro hija użata minn kważi 337.5 miljun ċittadin tal-UE
  • 2015

    22 ta' Ġunju

    Summit straordinarju taż-Żona tal-Euro dwar il-Greċja

    Il-mexxejja tal-UE jiltaqgħu għal skambju ta' fehmiet dwar il-Greċja fit-22 ta' Ġunju 2015. Il-President tas-Summit taż-Żona tal-Euro Donald Tusk jgħid li l-aktar proposti reċenti mill-gvern Grieg huma pass pożittiv 'il quddiem, iżda ser jeħtieġu valutazzjoni ulterjuri mill-istituzzjonijiet tal-UE.

  • 2015

    12 ta' Lulju

    Il-mexxejja taż-żona tal-ewro jaslu għal ftehim dwar il-Greċja

    Huma lesti biex jibdew negozjati dwar programm ta' assistenza finanzjarja għall-Greċja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), iżda l-ewwel il-ftehim irid jiġi approvat mill-parlament Grieg u l-parlamenti nazzjonali l-oħra. Wara l-proċeduri nazzjonali, il-Grupp tal-Euro ser ikompli bin-negozjati.

  • 2015

    13 ta' Lulju

    Jeroen Dijsselbloem elett bħala president tal-Grupp tal-Euro għat-tieni mandat

    Jeroen Dijsselbloem maħtur mill-ġdid bħala l-President tal-Grupp tal-Euro għat-tieni mandat ta' sentejn u nofs.

    Il-President tal-Grupp tal-Euro Jeroen Dijsselbloem wara li ġie elett mill-ġdid fit-13 ta' Lulju 2015
  • 2017

    9 ta' Marzu

    Donald Tusk elett mill-ġdid bħala president tal-Kunsill Ewropew

    Donald Tusk ġie elett mill-ġdid bħala President tal-Kunsill Ewropew għat-tieni mandat ta' sentejn u nofs, mill-1 ta' Ġunju 2017 sat-30 ta' Novembru 2019.

  • 2017

    29 ta' Marzu

    Ir-Renju Unit jattiva formalment l-Artikolu 50 biex iħalli l-UE

    Wara r-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit fit-23 ta' Ġunju 2016, fejn iċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvotaw biex jitilqu mill-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika formalment lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-UE.

    Il-Kunsill Ewropew adotta dikjarazzjoni dwar in-notifika tar-Renju Unit.

    Jiddispjaċina li r-Renju Unit ser iħalli l-Unjoni Ewropea, iżda aħna lesti għall-proċess li issa ser ikollna nsegwu. (...) F'dawn in-negozjati l-Unjoni ser taġixxi bħala entità waħda u ser tippreserva l-interessi tagħha. L-ewwel prijorità tagħna ser tkun li tiġi minimizzata l-inċertezza kkawżata mid-deċiżjoni tar-Renju Unit għaċ-ċittadini, in-negozji u l-istati membri tagħna.

    Kunsill Ewropew, 29 ta' Marzu 2017
  • 2017

    4 ta' Diċembru

    Elezzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro

    Mário Centeno, il-Ministru għall-Finanzi Portugiż, jiġi elett President tal-Grupp tal-Euro. Huwa jsir it-tielet President permanenti tal-Grupp tal-Euro fl-istorja tal-Grupp tal-Euro.

    Mário Centeno
  • 2019

    1 ta' Diċembru

    Charles Michel isir President tal-Kunsill Ewropew

    Charles Michel jissostitwixxi lil Donald Tusk bħala President tal-Kunsill Ewropew. Il-mandat tiegħu huwa mill-1 ta' Diċembru 2019 sal-31 ta' Mejju 2022.

    Charles Michel bil-bandiera tal-UE fl-isfond
    Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2020

    31 ta' Jannar

    Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea

    Wara referendum nazzjonali fit-23 ta' Ġunju 2016 u r-ratifika tal-ftehim dwar il-ħruġ miż-żewġ partijiet f'Jannar 2020, ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

  • 2020

    9 ta' Lulju

    Paschal Donohoe elett President tal-Grupp tal-Euro

    Il-Grupp tal-Euro eleġġa lil Paschal Donohoe, Ministru għall-Finanzi u n-Nefqa Pubblika u r-Riforma tal-Irlanda, bħala President tal-Grupp tal-Euro, f'konformità mal-Protokoll 14 tat-trattati tal-UE.

    Il-president il-ġdid jibda l-mandat tiegħu fit-13 ta' Lulju 2020 għal terminu ta' sentejn u nofs.

    Paschal Donohoe
  • 2022

    24 ta' Marzu

    Charles Michel elett mill-ġdid bħala president tal-Kunsill Ewropew

    Charles Michel ġie elett mill-ġdid bħala President tal-Kunsill Ewropew għat-tieni mandat ta' sentejn u nofs, mill-1 ta' Ġunju 2022 sat-30 ta' Novembru 2024.

  • 2022

    5 ta' Diċembru

    Paschal Donohoe rielett President tal-Grupp tal-Euro

    Paschal Donohoe, Ministru għall-Finanzi tal-Irlanda, reġa' ġie elett b'kunsens mill-Grupp tal-Euro bħala President tal-Grupp tal-Euro, għat-tieni mandat ta' sentejn u nofs li beda mit-13 ta' Jannar 2023.

  • 2023

    1 ta' Jannar

    Il-Kroazja tissieħeb fiż-żona tal-euro

    Il-Kroazja ssir l-20 membru taż-żona tal-euro.

    Ritratt tal-grupp tal-ministri
    L-ewwel laqgħa tal-Grupp tal-Euro mal-Kroazja f'Jannar 2023
  • 2024

    1 ta' Diċembru

    António Costa jilħaq President tal-Kunsill Ewropew

    António Costa jissostitwixxi lil Charles Michel bħala President tal-Kunsill Ewropew. Il-mandat tiegħu huwa mill-1 ta' Diċembru 2024 sal-31 ta' Mejju 2027.

    António Costa bilwieqfa quddiem ringiela ta' bnadar tal-UE.
    António Costa, President tal-Kunsill Ewropew
  • 2025

    7 ta' Lulju

    Paschal Donohoe kkonfermat għat-tielet mandat bħala President tal-Grupp tal-Euro

    Il-Grupp tal-Euro reġa' eleġġa lil Paschal Donohoe, il-Ministru għall-Finanzi tal-Irlanda, bħala l-President tiegħu b'kunsens. Fil-kariga mit-13 ta' Lulju 2020, huwa ser jibda t-tielet mandat tiegħu fit-13 ta' Lulju 2025. Il-mandat ser idum sentejn u nofs.

  • 2025

    18 ta' Novembru

    MAKIS Keravnos iservi bħala aġent President tal-Grupp tal-Euro

    Fit-18 ta' Novembru 2025, Makis Keravnos, Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika ta' Ċipru, sar aġent President tal-Grupp tal-Euro wara r-riżenja ta' Paschal Donohoe, il-president preċedenti. Skont il-metodi ta' ħidma tal-Grupp tal-Euro, huwa ser jaqdi dan ir-rwol sakemm jintgħażel president ġdid.

    Makis Keravnos, aġent President tal-Grupp tal-Euro.
    Makis Keravnos, aġent President tal-Grupp tal-Euro
  • 2025

    11 ta' Diċembru

    Kyriakos Pierrakakis elett President tal-Grupp tal-Euro

    Il-Grupp tal-Euro eleġġa lil Kyriakos Pierrakakis, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Greċja, bħala President tal-Grupp tal-Euro, f'konformità mal-Protokoll 14 tat-trattati tal-UE.

    Il-president il-ġdid ser jibda l-mandat tiegħu fit-12 ta' Diċembru 2025 u jservi mandat ta' sentejn u nofs.

    Kyriakos Pierrakakis
  • 2026

    1 ta' Jannar

    Il-Bulgarija tissieħeb fiż-żona tal-euro

    Il-Bulgarija ssir il-21 membru taż-żona tal-euro.

    Ħames persuni b'ilbies formali bilwieqfa fuq palk quddiem il-bandiera tal-Unjoni Ewropea u dik tal-Bulgarija, iżommu plakek kommemorattivi kbar bit-tema tal-euro u folder blu biċ-ċirku tal-istilel tal-UE, bħala parti minn ċerimonja uffiċjali.
    Ċerimonja tas-sħubija tal-Bulgarija fiż-żona tal-euro

L-aħħar reviżjoni: 21 ta' Ottubru 2026