- Kunsill Ewropew
- News
- 16 ta' Ġunju 2024 17:00
83 stat u organizzazzjoni jibagħtu sinjal ċar lill-poplu tal-Ukrajna
Fil-15 u s-16 ta' Ġunju 2024, l-Iżvizzera stiednet lid-delegazzjonijiet minn madwar id-dinja biex jieħdu sehem fil-konferenza ta' livell għoli dwar il-paċi fl-Ukrajna f'Bürgenstock (Canton ta' Nidwalden), bl-objettiv li jiġi żviluppat fehim komuni ta' triq lejn paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna.
Fid-diskors tiegħu tas-Sibt 15 ta' Ġunju, il-President Michel saħaq li l-paċi u d-djalogu futuri mar-Russja għandhom ikunu bbażati fuq id-dritt internazzjonali u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Issottolinja wkoll li huwa f'idejn l-Ukrajna li tiddeċiedi meta dan ikun possibbli.
Din il-gwerra hija tentattiv odjuż biex il-forza tal-liġi tiġi sostitwita bil-liġi tal-forza. Ma nistgħux naqtgħu qalbna.
Il-President Charles Michel
83 pajjiż u organizzazzjoni, inkluż il-Kunsill Ewropew, appoġġaw il-komunikat konġunt maħruġ fi tmiem is-summit.
Naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna li noqogħdu lura mit-theddida jew l-użu tal-forza kontra l-integrità territorjali jew l-indipendenza politika ta' kwalunkwe stat, il-prinċipji tas-sovranità, l-indipendenza, u l-integrità territorjali tal-istati kollha, inkluż l-Ukrajna, fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment, inkluż l-ilmijiet territorjali, u r-riżoluzzjoni tat-tilwim permezz ta' mezzi paċifiċi bħala prinċipji tad-dritt internazzjonali.
Komunikat konġunt dwar qafas ta' paċi
Il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet li appoġġaw il-komunikat konġunt kellhom viżjoni komuni fl-oqsma li ġejjin:
- kwalunkwe użu ta' enerġija nukleari u installazzjonijiet nukleari jrid ikun sikur u ambjentalment san, u t-theddid jew l-użu ta' armi nukleari huwa inammissibbli
- is-sigurtà globali tal-ikel m'għandhiex tintuża bħala arma. il-prodotti agrikoli Ukreni għandhom jiġu pprovduti b'mod sigur u liberu lil pajjiżi terzi interessati
- il-priġunieri tal-gwerra kollha jridu jinħelsu permezz ta' skambju sħiħ, u t-tfal Ukreni kollha deportati u spostati illegalment iridu jintbagħtu lura lejn l-Ukrajna
Huma ser jieħdu passi konkreti f'dawn l-oqsma b'involviment ulterjuri tar-rappreżentanti tal-partijiet kollha.
Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna (Infografika)