- Kunsill Ewropew
Laqgħa informali tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE, f'Malta, 03/02/2017, 3 ta' Frar 2017
Riżultati ewlenin
Is-summit informali f’Malta, ospitat mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u presedut mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, kien maqsum f’żewġ partijiet. Filgħodu, il-mexxejja qablu dwar miżuri biex jitwaqqaf il-fluss ta’ migranti irregolari mil-Libja lejn l-Italja. Wara nofsinhar huma ddiskutew it-tħejjijiet għas-60 anniversarju li jmiss tat-Trattati ta’ Ruma fil-25 ta’ Marzu 2017.
Kooperazzjoni UE-Libja: inwaqqfu l-fluss
Filgħodu, it-28 kap ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE ddiskutew id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni. Huma adottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Malta, li tiffoka fuq miżuri biex jitwaqqaf il-fluss ta’ migrazzjoni mil-Libja lejn l-Italja.
Fid-dikjarazzjoni huma nnotaw li fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali waslu aktar minn 181,000 migrant irregolari fl-2016, u l-għadd ta' persuni mejta jew li ma nstabux fuq il-baħar laħaq livell rekord ġdid kull sena mill-2013 'l hawn.
Bir-rebbiegħa fil-qrib, il-mexxejja ddeċidew li jieħdu azzjoni addizzjonali biex il-flussi migratorji jitnaqqsu b’mod sinifikanti, jitkisser il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta' persuni u jiġu salvati l-ħajjiet. B’mod partikolari, huma qablu li tiżdied il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Libjani.
"L-isforzi biex tiġi stabbilizzata l-Libja, issa huma aktar importanti minn qatt qabel, u l-UE ser tagħmel l-almu tagħha biex tikkontribwixxi għal dak l-objettiv. Fil-Libja, il-bini tal-kapaċità huwa essenzjali biex l-awtoritajiet jiksbu kontroll fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar u biex jikkumbattu l-attivitajiet ta' transitu u ta' faċilitazzjoni."
Id-Dikjarazzjoni ta’ Malta
Il-mexxejja tal-UE kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għall-Kunsill tal-Presidenza u għall-Gvern ta’ Kunsens Nazzjonali appoġġat min-Nazzjonijiet Uniti. Huma ddikjaraw ukoll li jinsabu lesti biex jikkooperaw mal-komunitajiet reġjonali u lokali Libjani kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-pajjiż.
Il-prijoritajiet jinkludu:
- taħriġ, attrezzar u appoġġ lill-gwardja tal-kosta nazzjonali Libjana u aġenziji rilevanti oħra.
- aktar sforzi biex jiġi mfixkel il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi tad-dħul klandestin ta' persuni permezz ta’ aktar azzjoni operazzjonali bl-involviment tal-Libja u sħab internazzjonali rilevanti
- titjib tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet lokali fil-Libja, speċjalment fiż-żoni tal-kosta u fuq il-fruntieri tal-art Libjani fuq ir-rotot migratorji
- żgurar ta' kapaċitajiet ta' akkoljenza u kundizzjonijiet adegwati għall-migranti fil-Libja, flimkien mal-UNHCR u l-IOM
- appoġġ lill-IOM biex iżżid l-attivitajiet ta' ritorn volontarju
- titjib tal-kampanji ta’ informazzjoni mmirati lejn il-migranti
Il-mexxejja enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jgħinu biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-fruntiera tal-art tal-Libja billi tittejjeb il-kapaċità ta' ġestjoni tal-fruntieri tal-Libja u billi jaħdmu ma’ pajjiżi ġirien.
"Ilqajna l-Memorandum ta' Qbil iffirmat ilbieraħ mill-Prim Ministru Taljan u dak Libjan bħala sinjal ieħor importanti u inkoraġġanti li l-affarijiet waslu biex jinbidlu għall-aħjar", stqarr il-President Donald Tusk fil-konferenza stampa wara s-sessjoni ta' ħidma dwar il-migrazzjoni. "L-Unjoni Ewropea u l-azzjonijiet tagħna ser jappoġġaw lill-Italja u l-Libja. Hija r-responsabbiltà komuni tagħna."
Il-mexxejja laqgħu wkoll l-intenzjoni tal-Presidenza Maltija li mal-ewwel opportunità tippreżenta lill-Kunsill pjan konkret għall-implimentazzjoni biex il-ħidma titmexxa 'l quddiem u biex jiġi żgurat monitoraġġ mill-qrib tar-riżultati. Il-Kunsill Ewropew għandu jevalwa l-progress fl-approċċ ġenerali fil-laqgħat tiegħu f'Marzu u f'Ġunju 2017 abbażi ta' rapport mill-Presidenza Maltija.
Qabel is-summit, il-President Tusk iltaqa' ma' Fayez al-Sarraj, Prim Ministru tal-Libja. Huma ddiskutew il-modi possibbli għal kooperazzjoni aħjar bejn l-UE u l-Libja.
Ttħejjijiet tas-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma
Is-sessjoni ta’ waranofsinhar kienet okkażjoni biex is-27 mexxej iħejju għas-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma li ser jiġi ċċelebrat fil-25 ta’ Marzu 2017.
Id-diskussjonijiet komplew fuq ir-riflessjoni politika dwar il-futur tal-UE b'27 stat membru, li nbdew immedjatament wara li r-Renju Unit ivvota biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Ġunju 2016 u li tkomplew fi Bratislava fis-16 ta’ Settembru 2016.
"Diskussjoni kostruttiva fis-summit ta' Malta dwar il-futur tal-UE27, l-importanza tal-għaqda u t-tħejjija għas-summit ta’ Ruma."
Il-President Donald Tusk fuq Twitter wara l-laqgħa
Fl-ittra tiegħu dwar il-futur tal-Ewropa li ntbagħtet lis-27 kap ta’ stat jew ta’ gvern fil-31 ta’ Jannar 2017, il-President Donald Tusk identifika tliet theddidiet ewlenin, perikolużi għall-istabbiltà tal-Ewropa. Dawn jinkludu:
- is-sitwazzjoni ġeopolitika ġdida: Ċina dejjem aktar assertiva, il-politika aggressiva tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna u l-ġirien tagħha, gwerer, terrur u anarkija fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika (bl-Iżlam radikali jassumi rwol prinċipali) u dikjarazzjonijiet li jqanqlu tħassib mill-amministrazzjoni Amerikana l-ġdida, kollha jrendu l-futur tagħna ferm imprevedibbli
- is-sitwazzjoni interna: żieda fis-sentiment nazzjonalist kulma jmur aktar ksenofobiku, fl-UE nnifisha
- l-atteġġament tal-elit pro-Ewropej: nuqqas ta’ fiduċja fl-integrazzjoni politika, sottomissjoni għal argumenti populisti u dubju fil-valuri fundamentali tad-demokrazija liberali
Fl-ittra, il-President Donald Tusk appella lill-mexxejja biex jibqgħu magħqudin.
"Irridu nagħmluha ċara daqs il-kristall li d-diżintegrazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma twassalx għar-restawr ta' xi sovranità mitika, sħiħa tal-istati membri tagħha, iżda għad-dipendenza reali u fattwali tagħhom fuq is-superpotenzi l-kbar: l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina. Huwa biss flimkien li nistgħu nkunu għalkollox indipendenti."
Dokumenti tal-laqgħat
Stqarrijiet għall-istampa
Dikjarazzjoni ta’ Malta mill-Membri tal-Kunsill Ewropew dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni: nindirizzaw ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali - 03/02/2017
Remarks by President Donald Tusk ahead of the informal summit in Malta - 02/02/2017
“United we stand, divided we fall”: ittra mill-President Donald Tusk lis-27 kap ta’ stat jew ta’ gvern tal-UE dwar il-futur tal-UE qabel is-summit ta’ Malta - 31/01/2017
Ittra ta' stedina mill-President Donald Tusk lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE qabel is-summit ta’ Malta - 31/01/2017
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Jüri Laas Uffiċjal tal-istampa
- +32 2 281 55 23
- +32 470 95 75 61
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #EUCO
Laqgħat oħra: Kunsill Ewropew
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025