- Kunsill Ewropew
- Dikjarazzjoni u kummenti
- 3 ta' Frar 2017 12:36
Dikjarazzjoni ta’ Malta mill-Membri tal-Kunsill Ewropew dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni: nindirizzaw ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali
1. Aħna nilqgħu u nappoġġaw l-isforzi tal-Presidenza Maltija biex isir progress fl-elementi kollha tal-politika komprensiva tal-UE dwar il-migrazzjoni. Aħna ntennu d-determinazzjoni tagħna li naġixxu fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem,id-dritt internazzjonali u l-valuri Ewropej, u flimkien mal-UNHCR u l-IOM.
2. Element essenzjali ta' politika sostenibbli dwar il-migrazzjoni huwa li niżguraw kontroll effettiv tal-fruntiera esterna tagħna u li nwaqqfu l-flussi illegali lejn l-UE. Fl-2016, il-wasliet naqsu għal terz tal-livelli fl-2015. Fuq ir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran, filwaqt li għadhom jeżistu pressjonijiet, il-wasliet fl-aħħar erba' xhur tal-2016 naqsu bi 98% minn sena għal sena. Aħna nibqgħu impenjati favur id-Dikjarazzjoni UE-Turkija u l-implimentazzjoni sħiħa u nondiskriminatorja tal-aspetti kollha tagħha, kif ukoll favur appoġġ kontinwu għall-pajjiżi tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.
3. Madankollu, fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, ġew identifikati aktar minn 181,000 wasla fl-2016, waqt li l-għadd ta' persuni li mietu jew ma nstabux fuq il-baħar laħaq livell rekord kull sena mill-2013 'il hawn. Meta diġà tilfu ħajjithom mijiet ta' bnedmin fl-2017 u bir-rebbiegħa qed toqrob, ninsabu determinati li nieħdu aktar azzjoni biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi migratorji tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u nfarrku l-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin, waqt li nżommu għassa fuq il-Lvant tal-Mediterran kif ukoll rotot oħra. Ser inżidu l-ħidma tagħna mal-Libja bħala l-pajjiż ewlieni tat-tluq kif ukoll mal-ġirien tagħha mit-Tramuntana tal-Afrika u mis-sub-Saħara.
4. Il-Qafas ta' Sħubija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta għamluha possibbli li nsaħħu kooperazzjoni fit-tul ma' għadd ta' pajjiżi sħab, inkluż dwar il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, permezz ta' sħubija soda bbażata fuq fiduċja reċiproka. Din il-ħidma diġà qed tagħti l-frott u ser tiżdied. Fl-istess ħin, l-urġenza tas-sitwazzjoni titlob li jittieħdu aktar miżuri operazzjonali immedjati fil-livell reġjonali, b'approċċ pragmatiku, flessibbli u mfassal apposta f'kull punt li jinvolvi l-atturi kollha tul ir-rotta migratorja. F'dan il-kuntest, nilqgħu b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli "Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali - Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet".
5. Iktar minn qatt qabel, huma importanti sforzi biex tiġi stabbilizzata l-Libja, u l-UE ser tagħmel l-almu tagħha biex tikkontribwixxi għal dak l-objettiv. Fil-Libja, il-bini tal-kapaċità huwa essenzjali biex l-awtoritajiet jiksbu kontroll fuq il-fruntieri tal-art u tal-baħar u biex jikkumbattu l-attivitajiet ta' transitu u ta' faċilitazzjoni. L-UE tibqa' impenjata favur soluzzjoni politika inklużiva skont il-qafas tal-Ftehim Politiku Libjan u favur li tappoġġa l-Presidenza tal-Kunsill u l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali appoġġat min-Nazzjonijiet Uniti. Fejn possibbli l-UE u l-Istati Membri ser isaħħu l-assistenza lill-komunitajiet reġjonali u lokali Libjani kif ukoll il-kooperazzjoni magħhom u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-pajjiż.
6. Ser tingħata prijorità lill-elementi li ġejjin:
a. taħriġ, tagħmir u appoġġ lill-gwardja tal-kosta nazzjonali Libjana u aġenziji rilevanti oħra. Jeħtieġ li l-programmi komplementari ta' taħriġ tal-UE jissaħħu malajr, kemm fl-intensità kif ukoll fil-kwantità, dawk diġà mibdija mill-Operazzjoni SOPHIA u oħrajn abbażi tal-esperjenza miksuba minnha. Il-finanzjament u l-ippjanar ta' dawn l-attivitajiet irid ikun sostenibbli u prevedibbli, inkluż permezz tas-Seahorse Mediterranean Network;
b. aktar sforzi biex jiġi sfrattat il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi permezz ta' azzjoni operazzjonali msaħħa, fil-qafas ta' approċċ integrat li jinvolvi l-Libja u pajjiżi oħra fir-rotta u sħab internazzjonali rilevanti, Stati Membri impenjati, missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, l-Europol u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;
c. appoġġ fejn possibbli għall-iżvilupp tal-komunitajiet lokali fil-Libja, speċjalment fiż-żoni qrib il-kosta u l-fruntieri tal-art tal-Libja fir-rotot migratorji, biex titjieb is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom u tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom bħala komunitajiet ospitanti;
d. ikun żgurat, flimkien mal-UNHCR u l-IOM, li l-kapaċitajiet u l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza għall-migranti fil-Libja jkunu adegwati;
e. appoġġ lill-IOM biex iżżid sostanzjalment l-attivitajiet ta' ritorn volontarju assistit;
f. tisħiħ ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' kuntatt indirizzati lejn il-migranti fil-Libja u fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, f'kooperazzjoni ma' atturi lokali u organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari biex ifixklu l-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi;
g. tingħata għajnuna biex tonqos il-pressjoni fuq il-fruntieri tal-art tal-Libja, permezz ta' ħidma kemm mal-awtoritajiet Libjani kif ukoll mal-ġirien kollha tal-Libja, inkluż appoġġ għal proġetti li jsaħħu il-kapaċità tagħhom għall-ġestjoni tal-fruntiera;
h. tinżamm nota tar-rotot alternattivi u d-devjazzjoni possibbli tal-attivitajiet tal-faċilitaturi, permezz ta' sforzi ta' kooperazzjoni mal-ġirien tal-Libja u l-pajjiżi involuti fil-Qafas ta' Sħubija, bl-appoġġ tal-Istati Membri u tal-aġenziji kollha rilevanti tal-UE u billi jitħallew disponibbli l-istrumenti kollha ta' sorveljanza meħtieġa;
i. jitkompla l-appoġġ għall-isforzi u l-inizjattivi minn Stati Membri individwali impenjati direttament mal-Libja; f'dan ir-rigward, l-UE tilqa' u lesta tappoġġa lill-Italja fl-implimentazzjoni tagħha tal-Memorandum ta' Qbil iffirmat fit-2 ta' Frar 2017 mill-Awtoritajiet Taljani u l-President tal-Kunsill Presidenzjali al-Serraj;
j. jiġu approfonditi d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni mal-pajjiżi kollha ġirien tal-Libja, inkluż kooperazzjoni operazzjonali aħjar mal-Istati Membri u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta dwar il-prevenzjoni tat-tluq u l-ġestjoni tar-ritorni.
7. Dawn l-objettivi għandhom ikunu mirfuda bir-riżorsi meħtieġa. F'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta, l-Unjoni Ewropea qed issaħħaħ l-integrazzjoni tal-migrazzjoni fi ħdan l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp tagħha għall-Afrika, li tammonta għal EUR 31 biljun matul dan il-perijodu finanzjarju. Xi wħud mill-azzjonijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jiġu ffinanzjati fi ħdan proġetti li diġà għaddejjin, partikolarment proġetti ffinanzjati permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika kif xieraq, li jimmobilizza EUR 1,8 biljun mill-baġit tal-UE u EUR 152 miljun minn kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri. Sabiex inkopru l-ħtiġijiet ta' finanzjament l-aktar urġenti issa u matul l-2017, nilqgħu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timmobilizza bħala l-ewwel pass EUR 200 miljun addizzjonali għat-tieqa tal-Afrika ta' Fuq tal-Fond u li tagħti prijorità lil proġetti relatati mal-migrazzjoni li jikkonċernaw il-Libja.
8. Ser inkomplu niżviluppaw il-politika esterna tagħna dwar il-migrazzjoni sabiex nagħmluha reżiljenti għal kriżijiet futuri. Ser nidentifikaw l-ostakli potenzjali, pereżempju fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati għar-ritorni, u nsaħħu l-kapaċitajiet ta' ritorn tal-UE, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt internazzjonali. Nilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta malajr, bħala l-ewwel pass, Pjan ta' Azzjoni aġġornat dwar ir-Ritorn, u li toffri gwida għal aktar ritorni operazzjonali mill-UE u l-Istati Membri u għal riammissjoni effettiva abbażi tal-acquis eżistenti.
9. Naqblu li nieħdu azzjoni determinata u rapida biex niksbu l-objettivi stabbiliti f'din id-Dikjarazzjoni u nappellaw lill-atturi kollha biex jaħdmu għal dan il-għan. Nilqgħu l-intenzjoni tal-Presidenza Maltija, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, li mal-ewwel opportunità tippreżenta lill-Kunsill pjan konkret għall-implimentazzjoni għal dan l-għan, biex titmexxa l-ħidma 'l quddiem u biex jiġi żgurat monitoraġġ mill-qrib tar-riżultati. Il-Kunsill Ewropew ser jevalwa l-progress fl-approċċ ġenerali fil-laqgħat tiegħu f'Marzu u f'Ġunju abbażi ta' rapport mill-Presidenza Maltija.
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
- @beanavarro.bsky.social
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
- @mariatomasik.bsky.social
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Jannar 2025