- Aħbarijiet
- 24 ta' Marzu 2022 17:30
Laqgħa tal-G7 dwar l-Ukrajna, 24 ta' Marzu 2022
Fl-24 ta' Marzu, il-mexxejja tal-G7 iltaqgħu fil-kwartieri ġenerali tan-NATO fi Brussell fuq l-istedina tal-Presidenza Ġermaniża tal-G7, biex ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fid-dawl tal-aggressjoni inġustifikabbli, mhux provokata u illegali mir-Russja u l-gwerra tal-għażla tal-President Putin kontra Ukrajna indipendenti u sovrana.
Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy indirizza wkoll lill-mexxejja tal-G7 permezz ta' vidjokonferenza.
Vladimir Putin jeħtieġ jiġi megħlub. Jeħtieġ li nappoġġaw lill-Ukrajna kemm jista' jkun u li nimplimentaw is-sanzjonijiet biex nagħmlu pressjoni fuq il-Kremlin. Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Fil-marġini tal-laqgħa, il-President Charles Michel iltaqa' wkoll mal-Prim Ministru tal-Ġappun Fumio Kishida u mal-Prim Ministru tal-Kanada Justin Trudeau.
Informazzjoni ġenerali
Il-G7 huwa forum internazzjonali li jlaqqa' flimkien in-nazzjonijiet industrijali ewlenin tad-dinja: Franza, il-Ġappun, il-Ġermanja, l-Italja, il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.
L-Unjoni Ewropea hija organizzazzjoni sopranazzjonali unika aktar milli stat sovran u għaldaqstant hija membru "mhux enumerat" – għalhekk l-isem G7 (Grupp ta' Sebgħa) – u ma tassumix il-presidenza b'rotazzjoni tal-G7.
L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Jannar 2024