- Aħbarijiet
- 25 ta' Lulju 2023 11:47
Il-Kunsill jadotta aktar liġijiet "Lesti għall-mira ta' 55 %" biex tiġi dekarbonizzata l-ekonomija tal-UE
Il-Kunsill adotta regoli ġodda li ser jgħinu biex jintlaħaq l-għan tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050.
Ir-regoli l-ġodda jindirizzaw:
- l-effiċjenza fl-enerġija
- l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi
- id-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu
Effiċjenza fl-enerġija
Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jnaqqsu l-konsum finali tal-enerġija billi jistabbilixxu miri aktar ambizzjużi għall-effiċjenza fl-enerġija. Permezz ta' dawn ir-regoli, l-istati membri ser inaqqsu kollettivament il-konsum finali tal-enerġija għal mill-inqas 11.7% fl-2030, meta mqabbel mal-previżjonijiet dwar il-konsum tal-enerġija għall-2030 li saru fl-2020.
Infrastruttura tal-fjuwils alternattivi
Ir-regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (AFIR) ser jiżgura l-varar ta' aktar stazzjonijiet tal-irriċarġjar u tar-riforniment għall-fjuwils alternattivi madwar l-Ewropa fis-snin li ġejjin. Dan ser jippermetti lis-settur tat-trasport inaqqas b'mod sinifikanti l-impronta tal-karbonju tiegħu.
Inizjattiva FuelEU maritime
L-objettiv ewlieni tal-inizjattiva FuelEU maritime, huwa li tiżdied id-domanda għal fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u li dawn jintużaw b'mod konsistenti, u li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mis-settur tat-tbaħħir, filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tat-traffiku marittimu u jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq intern.
L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Jannar 2024