Skip to content
  • Kunsill Ewropew
  • Stqarrija għall-istampa
  • 18 ta' Marzu 2015 11:30

Ittra ta' stedina mill-President Donald Tusk għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew

Għandi l-pjaċir nistiednek għal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew fid-19 u l-20 ta’ Marzu 2015.

Il-laqgħa ser tkun iddedikata għal tliet kwistjonijiet ewlenin: l-Unjoni tal-Enerġija, l-ekonomija u r-relazzjonijiet esterni.

Wara l-iskambju ta’ fehmiet mal-President tal-Parlament Ewropew u r-ritratt tal-grupp, ser niddedikaw l-ewwel sessjoni ta’ ħidma tagħna għall-Unjoni tal-Enerġija. Din l-Unjoni tal-Enerġija għandha ħames dimensjonijiet marbutin mill-qrib ma' xulxin u li jsaħħu lil xulxin. Fil-laqgħa li jmiss tagħna, nixtieq nikkonċentra d-diskussjoni tagħna fuq ċerti aspetti tal-Unjoni tal-Enerġija, b'rabta partikolari mas-sigurtà tal-enerġija, is-suq intern u d-diplomazija dwar il-klima. Dawn huma kwistjonijiet li għalihom nistgħu nipprovdu valur miżjud immedjat. M'għandniex xi ngħidu, il-Kunsill Ewropew ser jerġa’ lura għall-Unjoni tal-Enerġija fil-futur biex ikompli jipprovdi gwida, fost l-oħrajn dwar kwistjonijiet mhux diskussi din id-darba.

L-ikla ta’ filgħaxija ser tkun il-ħin fejn nagħtu ħarsa lejn ir-relazzjonijiet esterni. Jeħtieġ li nagħtu gwida għat-tħejjija tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f’Riga. Huwa importanti li l-UE turi d-determinazzjoni kontinwa tagħha li tinvolvi ruħha mar-reġjun, kemm bilateralment kif ukoll reġjonalment. Is-sitwazzjoni fl-Ukraina u r-relazzjonijiet mar-Russja ser ikunu fil-qalba tad-diskussjoni tagħna waqt l-ikla ta' filgħaxija, b’enfasi partikolari fuq il-passi li jmiss.

Nħar il-Ġimgħa, ser ikollna dibattitu dwar is-sitwazzjoni ekonomika u dwar l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin imwettqa mill-Istati Membri. Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) ukoll ser ikollha post prominenti fuq l-aġenda: flimkien, jeħtieġ li nagħmlu kull sforz biex nikkonkludu n-negozjati dwar ftehim ambizzjuż, komprensiv u ta' benefiċċju reċiproku sa tmiem is-sena. Jiena stedint lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jingħaqad magħna għad-diskussjoni dwar l-ekonomija.

Imbagħad ser nindirizzaw is-sitwazzjoni fil-Libja, li hija inkwetanti ħafna f’bosta aspetti. Ser naraw kif nistgħu nappoġġaw l-isforzi biex jiġi stabbilizzat il-pajjiż u biex nippromwovu soluzzjoni politika.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024