- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 26 ta' Mejju 2015 20:30
Baġit tal-UE: lejn tneħħija gradwali tal-kontijiet mhux imħallsa li waqgħu lura
Il-Kunsill fis-26 ta' Mejju 2015 ipparteċipa fil-laqgħa mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni biex jiddiskuti l-kwistjoni tal-kontijiet mhux imħallsa tal-baġit tal-UE. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ħadu nota tal-prospettiva tal-Kummissjoni li tgħid li t-talbiet għall-ħlas pendenti li waqgħu lura għall-programmi ta’ koeżjoni għall-2007-2013 jistgħu jonqsu għal madwar €2.0 biljun sa tmiem l-2016. Fi tmiem l-2014 it-talbiet għall-ħlas pendenti li waqgħu lura għall-programmi ta' politika ta’ koeżjoni għall-2007-2013 laħqu massimu ta’ €24.7 biljun.
Raġunijiet li wasslu għat-tneħħija gradwali
Id-deċiżjonijiet diffiċli meħuda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-UE kkontribwew biex ix-xogħol b'lura jiġi stabbilizzat u jitnaqqas. Għalhekk, fl-2013 il-Kunsill u l-Parlament approvaw żieda fil-ħlasijiet ta’ madwar €11.8 biljun. Fi tmiem is-sena li għaddiet iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-UE qablu li jżidu l-pagamenti fil-baġit tal-UE għall-2014 u li jimmobilizzaw il-marġni ta’ kontinġenza biex jindirizzaw il-livell bla preċedent ta’ kontijiet mhux imħallsa. It-tnaqqis mistenni fix-xogħol b'lura huwa dovut ukoll għal tnaqqis sinifikanti fit-talbiet għall-ħlas għall-programmi ta' koeżjoni għall-2007-2013 li huwa probabbli fix-xhur li ġejjin hekk kif dawn il-programmi jagħlqu.
Sistema ta’ twissija bikrija
Il-laqgħa interistituzzjonali ħadet nota tal-abbozz tad-Dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015-2016 maqbul bejn il-presidenza Latvjana u r-rappreżentanti tal-Parlament u l-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015. L-abbozz ta' dikjarazzjoni konġunta jinkludi impenn miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-UE biex gradwalment jitneħħew it-talbiet għall-ħlas pendenti li waqgħu lura b'mod mhux sostenibbli għall-programmi ta' koeżjoni għall-2007-2013, u barra minn hekk biex fil-futur tiġi evitata kumulazzjoni simili ta' xogħol li jaqa' lura. Il-Kummissjoni hija appellata biex teżamina bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020 u biex twaqqaf sistema ta’ twissija bikrija.
Sfond
L-abbozz ta' dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament huwa r-riżultat ta' pakkett ta' ftehim f'Diċembru 2014 dwar numru ta' abbozzi ta' baġits emendatorji għall-2014 u l-baġit tal-UE għall-2015. Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni ħadu l-impenn li jaqblu dwar pjan ta’ pagament bil-għan li jitnaqqas il-livell ta’ kontijiet mhux imħallsa qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta' baġit tagħha għall-2016.
Il-passi li jmiss
L-abbozz tad-dikjarazzjoni konġunta ser jitressaq quddiem il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill fis-27 ta' Mejju, bl-approvazzjoni tal-ministri għall-finanzi tal-UE skedata għad-19 ta' Ġunju. Il-Kummissjoni ser tippreżenta l-abbozz ta' baġit tagħha għall-2016 fis-27 ta' Mejju.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024