Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 30 ta' Ġunju 2015 13:30

L-emissjonijiet minn impjanti medji tal-kombustjoni: l-istati membri jikkonfermaw qbil mal-Parlament

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tal-Kunsill ikkonferma l-qbil mal-Parlament Ewropew dwar direttiva ġdida biex jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu minn impjanti medji tal-kombustjoni. Dawn ir-regoli l-ġodda huma parti mill-pakkett leġislattiv dwar l-arja nadifa, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-UE.

Id-direttiva l-ġdida tistabbilixxi l-limiti ta’ emissjonijiet għal ċerti sustanzi li jniġġsu, fosthom id-diossidu tal-kubrit, l-ossidu tan-nitroġenu u t-trab. Dawn il-limiti ser jiġu applikati għal impjanti tal-kombustjoni ġodda u eżistenti ta’ daqs medju (bejn 1 u 50 MW). 

''Biex tittejjeb il-kwalità tal-arja li nieħdu hemm bżonn li nindirizzaw it-tniġġis tal-arja mis-sors. Permezz ta' din id-direttiva aħna nikkompletaw il-qafas regolatorju għall-emissjonijiet mis-settur tal-kombustjoni. Dan hu parti ewlenija li kienet nieqsa u li ser tgħin biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ", qal il-Ministru Latvjan Kaspars Gerhards, president tal-Kunsill Ambjent taħt il-presidenza Latvjana.

Skadenzi

Meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea, it-test maqbul jintroduċi arranġamenti distinti għall-impjanti tal-kombustjoni eżistenti, abbażi tad-daqs tagħhom. Dan għandu l-għan li jnaqqas l-ispejjeż għall-iżgħar impjanti filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali.

Il-limiti ser jiġu applikati għal impjanti eżistenti akbar (5-50 MW) mill-2025 u mill-2030 għal dawk iżgħar (1-5 MW). Jeħtieġ li l-impjanti ġodda jikkonformaw mal-limiti wara perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ sentejn wara d-dħul fis-seħħ. 

Skadenzi estiżi ta’ konformità sal-2030 jistgħu jingħataw lil xi impjanti, b’mod partikolari għal:

  • sistemi ta’ tisħin distrettwali
  • impjanti li jaħarqu l-bijomassa bħala l-fjuwil ewlieni tagħhom
  • impjanti li jiffurmaw parti minn sistemi iżolati żgħar (pereżempju, fuq gżejjer)
  • impjanti speċifiċi marbuta ma’ sistema għat-trasmissjoni tal-gass nazzjonali

Tibdil ieħor għall-proposta

F’żoni li ma jikkonformawx mal-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja tal-UE, l-istati membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li jiġu applikati limiti aktar stretti għal impjanti individwali.

It-test maqbul jinkludi regoli għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' sustanza li tniġġes oħra: il-monossidu tal-karbonju. Il-Kummissjoni se tqis ir-riżultati rilevanti f’reviżjoni futura.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija mitluba tivvaluta permezz ta' reviżjoni l-benefiċċji tat-twaqqif ta’ standards minimi tal-effiċjenza enerġetika f’konformità mal-aqwa tekniki disponibbli.

Innaqqsu d-distakk

Filwaqt li impjanti iżgħar u ikbar huma diġà koperti minn direttivi rispettivi tal-UE, l-emissjonijiet minn impjanti medji tal-kombustjoni għadhom mhumiex regolati fil-livell tal-UE. Ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jnaqqsu dak id-distakk sabiex jiġi kkompletat il-qafas regolatorju għas-settur tal-kombustjoni, bħala sors importanti ta' ċerti sustanzi li jniġġsu.

Sfond u passi li jmiss

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fit-18 ta’ Diċembru 2013 bħala parti mill-Istrateġija 'Programm għal Arja Nadifa għall-Ewropa'. Il-presidenza tal-Kunsill u l-Parlament laħqu qbil proviżorju f’laqgħa tat-trilogu fit-23 ta’ Ġunju 2015 li issa ġie kkonfermat mill-Coreper.   

L-att legislattiv il-ġdid issa ser jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew għal vot fl-ewwel qari u mbagħad lill-Kunsill għall-adozzjoni finali.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024