- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 16 ta' Diċembru 2015 17:45
Skema għall-iskejjel: il-KSA japprova t-test ta' kompromess
Fis-16 ta’ Diċembru 2015, taħt il-Presidenza Lussemburgiża u soġġett għal vot formali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura (KSA) approva kompromess finali dwar regolament dwar skema ta’ ħalib, frott u ħxejjex fl-iskejjel.
Ir-rappreżentati tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew identifikaw il-kompromess ġenerali waqt laqgħa ta’ trilogu li saret fl-10 ta’ Diċembru. Fl-istess okkażjoni l-KSA approva Regolament tal-Kunsill dwar l-istess suġġett, li jikkompleta l-iskema għall-iskejjel, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-għajnuna tal-UE.
Il-promozzjoni ta’ ċertu ikel għas-saħħa pubblika
L-iskemi għall-iskejjel kienu oriġinarjament stabbiliti sabiex jippromwovu l-konsum tal-frott u l-ħxejjex u l-prodotti tal-ħabib, li huma ta’ benefiċċju fil-kuntest tas-saħħa pubblika u huma xierqa għad-distribuzzjoni lit-tfal tal-iskejjel. Barra minn hekk, dawk is-setturi huma importanti wkoll għall-agrikoltura tal-UE. Taħt dawn l-iskemi l-għajnuna tal-UE tiġi allokata lill-istati membri għall-forniment ta’ dawk il-prodotti fi stabbilimenti edukattivi.
L-iskema tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel u l-iskema tal-ħalib fl-iskejjel bħalissa huma programmi separati. F’Jannar 2014, il-Kummissjoni ppreżentat proposta li tgħaqqad l-iskemi u temenda r-regolament il-ġdid dwar Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika (OKS unika) fil-qafas tal-Politika agrikola komuni (PAK) riformata (5958/14) u r-regolament li jiffissa ċerti għajnuniet u rifużjonijiet (6054/14). L-iskema l-ġdida ser ikollha baġit annwali globali ta' €250 miljun (prodotti tal-ħalib: €100 miljun; frott u ħaxix: €150 miljun).
Il-passi li jmiss
Il-Parlament Ewropew huwa mistenni jivvota dwar it-test ta’ kompromess f’laqgħa tal-Kumitat tiegħu għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali lejn l-aħħar ta’ Jannar.
Il-President tal-KSA, f'isem il-Presidenza, ser jibgħat ittra lill-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Din l-ittra tindika li jekk il-Parlament jivvota fis-sessjoni plenarja tiegħu t-testi ta’ kompromess kif approvati mill-KSA, wara reviżjoni mill-ġuristi-lingwisti, il-Kunsill ikun jista’ jilħaq ftehim mal-Parlament Ewropew dwar skemi ta’ ħalib, frott u ħxejjex fl-iskejjel fl-ewwel qari. Dan għandu jippermetti d-dħul fis-seħħ tal-iskema l-ġdida fir-rebbiegħa tal-2016 u l-applikazzjoni tagħha minn Awwissu 2017.
Kuntatti għall-istampa
-
Miruna Georgescu Press officer
- +32 471 33 53 34
- +32 2 281 47 70
- @miru_georgescu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024