- Kunsill Ewropew
- Dikjarazzjoni u kummenti
- 24 ta' Ġunju 2016 10:45
Dikjarazzjoni mill-mexxejja tal-UE u l-Presidenza Netherlandiża dwar l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit
Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :
Il-President Tusk, il-President Martin Schulz u l-Prim Ministru Rutte dalgħodu ltaqgħu fi Brussell fuq stedina mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker. Huma ddiskutew l-eżitu tar-referendum tar-Renju Unit u għamlu d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja:
“Fi proċess ħieles u demokratiku, il-poplu Brittanniku esprima x-xewqa tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Jiddispjaċina li ttieħdet din id-deċiżjoni iżda nirrispettawha.
Din hija sitwazzjoni bla preċedent iżda ninsabu magħqudin fir-rispons tagħna. Ser nibqgħu sodi u niddefendu l-valuri fundamentali tal-UE tal-promozzjoni tal-paċi u l-benessri tal-popli tagħha. L-Unjoni ta’ 27 Stat Membru ser tkompli. L-Unjoni hija l-qafas tal-futur politiku komuni tagħna. Aħna marbutin flimkien bi storja, ġeografija u interessi komuni u ser niżviluppaw il-kooperazzjoni tagħna fuq din il-bażi. Flimkien, ser nindirizzaw l-isfidi komuni tagħna li jiġġeneraw it-tkabbir, iżidu l-prosperità u jiżguraw ambjent sigur u sikur għaċ-ċittadini tagħna. L-istituzzjonijiet ser jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom f’dan l-isforz.
Issa nistennew li l-gvern tar-Renju Unit jagħti effett lil din id-deċiżjoni tal-poplu Brittanniku mill-aktar fis possibbli, minkejja li dan il-proċess jista’ jkun diffiċli. Kwalunkwe dewmien itawwal l-inċertezza mingħajr bżonn. Għandna regoli li jittrattaw dan il-proċess b’mod ordnat. L-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita jekk Stat Membru jiddeċiedi li jitlaq mill-Unjoni Ewropea. Aħna ninsabu lesti biex nibdew malajr negozjati mar-Renju Unit dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-irtirar tiegħu mill-Unjoni Ewropea. Sakemm jintemm dan il-proċess ta’ negozjati, ir-Renju Unit jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea, bid-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dan. Skont it-Trattati li r-Renju Unit irratifika, il-liġi tal-UE tkompli tapplika bis-sħiħ għar-Renju Unit u ġo fih sakemm ma jkunx għadu Membru.
“Kif ġie maqbul, is-"Soluzzjoni l-Ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea", li ntlaħaq qbil dwarha fil-Kunsill Ewropew fit-18 u d-19 ta' Frar 2016, issa mhux ser issir effettiva u mhux ser tibqa' teżisti. Mhu ser ikun hemm l-ebda negozjar mill-ġdid.
Fir-rigward tar-Renju Unit, nittamaw li jkun wieħed mis-sħab qrib tal-Unjoni Ewropea fil-futur. Nistennew li r-Renju Unit jifformula l-proposti tiegħu f’dan ir-rigward. Kwalunkwe ftehim li jiġi konkluż mar-Renju Unit bħala pajjiż terz, ser ikollu jirrifletti l-interessi taż-żewġ naħat u jkun ibbilanċjat f’termini ta’ drittijiet u obbligi.”
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024