- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Ottubru 2016 10:25
L-Amerika Latina u l-Karibew: l-UE tħejji għal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin CELAC-UE
Il-Kunsill ħa rendikont tal-istat tat-tħejjijiet tal-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin CELAC-UE li ser issir fil-25-26 ta’ Ottubru 2016 f’Santo Domingo u ser tittratta l-futur tas-sħubija bireġjonali. Il-Kunsill adotta l-abbozz tal-aġenda, li tipprevedi diskussjonijiet dwar kif jissaħħaħ id-djalogu bireġjonali u jiġu approfonditi r-relazzjonijiet reċiproċi, valutazzjoni tal-programmi u l-azzjonijiet adottati mis-Summits, diskussjonijiet dwar il-finanzjament għall-iżvilupp u t-tibdil fil-klima, u punt speċifiku dwar il-Fondazzjoni Unjoni Ewropea - Amerika Latina u Karibew (Fondazzjoni UE-LAC).
Matul il-laqgħa mistenni jiġi ffirmat ftehim li jistabbilixxi l-Fondazzjoni UE-LAC bħala organizzazzjoni internazzjonali. Il-Fondazzjoni UE-LAC tiġbor flimkien lill-Unjoni Ewropea u t-28 stat membru tagħha u l-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew (CELAC) u t-33 stat membru tagħha bl-objettivi li ġejjin:
- tinkoraġġixxi aktar għarfien u komprensjoni reċiproċi bejn iż-żewġ reġjuni;
- issaħħaħ il-proċess ta’ sħubija bireġjonali CELAC-UE, b’aktar parteċipazzjoni mis-soċjetà ċivili;
- issaħħaħ il-viżibbiltà reċiproka bejn iż-żewġ reġjuni, kif ukoll tas-sħubija bireġjonali nnifisha.
Il-Fondazzjoni UE-LAC ser tilħaq l-objettivi tagħha permezz ta’ attivitajiet bħall-inkoraġġiment ta’ dibattiti permezz ta’ seminars, konferenzi u pubblikazzjonijiet; il-promozzjoni ta’ avvenimenti relatati ma’ temi indirizzati lis-Summits CELAC-UE; it-tnedija ta’ programmi bireġjonali u l-organizzazzjoni ta’ skambji; l-inkoraġġiment ta’ studji u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ kuntatti ġodda.
Il-kwartieri ġenerali tal-Fondazzjoni UE-LAC ser ikomplu jkunu f’Hamburg (il-Ġermanja). Il-Fondazzjoni transizzjonali stabbilita fl-2011, sakemm jiġi konkluż il-ftehim internazzjonali, ser tispiċċa.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024