- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Novembru 2016 10:30
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-UE dwar l-aħħar żviluppi fit-Turkija
1) L-UE u l-Istati Membri tagħha qed isegwu l-iżviluppi l-aktar reċenti fit-Turkija bi tħassib serju.
2) Il-fatt li qed jitqies mill-ġdid li titressaq liġi fil-parlament biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta’ espressjoni, inkluż il-media soċjali, b'aktar għeluq ta' mezzi tax-xandir u l-istampa u mandati ta' arrest kontra ġurnalisti, inkluż il-kap editur tal-gazzetta Cumhuriyet u għadd ta' membri tal-persunal tagħha; u l-aktar reċenti l-arrest tal-kopresidenti tat-tieni l-akbar partit tal-oppożizzjoni fil-pajjiż, l-HDP, kif ukoll id-detenzjoni ta’ għadd ta’ Membri tal-Parlament tiegħu huwa żviluppi estramement inkwetanti li jdgħajfu l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jikkompromettu d-demokrazija parlamentari fit-Turkija, waqt li jżidu t-tensjoni fix-Xlokk u jkomplu joħolqu l-firda fis-soċjetà Torka inġenerali.
3) L-UE u l-Istati Membri tagħha jikkundannaw bil-qawwa l-attakk terroristiku f’Diyarbakir u jesprimu s-solidarjetà tagħhom mal-vittmi u l-familji tagħhom. L-UE u l-Istati Membri tagħha jemmnu bis-sħiħ li l-vjolenza u l-attakki terroristiċi kollha kif ukoll l-użu tal-armi għandhom jieqfu. L-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw lit-Turkija fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu.
Azzjonijiet kontra l-PKK, elenkata mill-UE u l-Istati Membri tagħha bħala organizzazzjoni terroristika, huma leġittimi, iżda jridu jsiru b'rispett sħiħ tal-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, il-proporzjonalità u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
4) Ir-ritorn lejn proċess politiku kredibbli u lejn djalogu politiku ġenwin huwa essenzjali għad-demokrazija fil-pajjiż u l-istabbiltà fir-reġjun.
5) L-UE u l-Istati Membri tagħha jfakkru li d-deċiżjoni mill-Parlament Tork f’Mejju 2016 li jippermetti t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ għadd kbir ta’ Membri tal-Parlament hija kwistjoni ta’ tħassib serju. L-immunità għandha tapplika għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni u deċiżjonijiet ta' tneħħija tal-immunità għandhom ikunu bbażati fuq il-merti ta’ kull każ speċifiku, skont kriterji trasparenti u mhux abbażi ta' kunsiderazzjonijiet politiċi.
6) L-UE u l-Istati Membri tagħha jfakkru fil-kundanna tagħhom tal-attentat ta’ kolp ta’ stat tal-15 ta' Lulju u, waqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li t-Turkija tieħu azzjoni proporzjonata, jitolbu lit-Turkija biex tissalvagwarda d-demokrazija parlamentari tagħha, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-dritt ta’ kull persuna għal proċess xieraq, anke f’konformità mal-impenji tagħha bħala pajjiż kandidat. F’dan ir-rigward, l-UE u l-Istati Membri tagħha ser ikomplu jsegwu u jivvalutaw is-sitwazzjoni mill-qrib ferm u lesti jkomplu d-djalogu politiku mat-Turkija fil-livelli kollha, skont il-qafas stabbilit.
Il-Pajjiżi Kandidati l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, is-Serbja* u l-Albanija*, il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni.
*L-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Maja Kocijančič Kelliem tas-SEAE
- +32 2 298 65 70
- +32 498 98 44 25
-
Nabila Massrali Kelliem temporanju tas-SEAE
- +32 2 29 88093
- +32 460 79 52 44
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024