- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 16 ta' Mejju 2017 11:55
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, f'isem l-UE fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija, is-17 ta' Mejju 2017
Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :
F’dan il-jum, flimkien ma’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja, l-UE tiċċelebra l-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija. Din hija opportunità f’waqtha biex infakkru lill-Gvernijiet fl-obbligu tagħhom li jippromwovu l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw li dawn id-drittijiet jitgawdew minn kulħadd mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-identità tal-ġeneru jew mill-orjentazzjoni sesswali tal-persuna.
F’dawn l-aħħar snin, sar progress notevoli madwar id-dinja għall-avvanz tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI). Bosta pajjiżi ddekriminalizzaw l-omosesswalità u oħrajn daħħlu fis-seħħ statuti ġodda biex jipproteġu l-individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom. L-ebda waħda minn dawn il-bidliet ma setgħet isseħħ mingħajr id-dedikazzjoni ta’ attivisti kuraġġużi li jaħdmu biex imexxu ’l quddiem id-drittijiet indaqs għal persuni LGBTI.
Għad hemm ostakli kbar f’bosta nħawi madwar id-dinja. Id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra l-persuni LGBTI għadha mifruxa. L-involviment f’relazzjonijiet ma’ persuna tal-istess sess huwa meqjus bħala reat kriminali f’aktar minn 70 pajjiż u saħansitra jista’ jwassal għall-piena tal-mewt f’xi wħud minnhom. L-UE tikkundanna d-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra individwi LGBTI bl-aktar mod qawwi possibbli.
L-UE qed tiffinanzja proġetti madwar id-dinja mmirati biex itejbu l-viżibbiltà tal-organizzazzjonijiet LGBTI u l-aċċettazzjoni tagħhom, isaħħu d-djalogu tagħhom mal-awtoritajiet għall-bidla fil-liġijiet, jiġġieldu l-omofobija, u jipproteġu persuni LGBTI mill-vjolenza. Qed jingħata wkoll appoġġ lit-taħriġ, l-informazzjoni u l-għajnuna legali lill-persuni LGBTI u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
F’Ġunju 2016, il-Kunsill adotta għall-ewwel darba konklużjonijiet dwar l-ugwaljanza għal-LGBTI b’rispons għal-Lista ta’ Azzjonijiet tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni. L-UE ser tkompli taħdem mas-sħab kollha biex tmexxi ’l quddiem id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom.
Il-Pajjiżi Kandidati l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, is-Serbja* u l-Albanija*, il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni.
*L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Maja Kocijančič Kelliem tas-SEAE
- +32 2 298 65 70
- +32 498 98 44 25
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024