- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Novembru 2019 13:18
Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta: il-Kunsill jadotta regolament rivedut
Illum il-Kunsill adotta regolament ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, element importanti tal-approċċ komprensiv tal-UE għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri.
L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) qed tiġi msaħħa f'dak li jirrigwarda l-persunal u tagħmir tekniku. Qed tingħata wkoll mandat usa' biex tappoġġa l-attivitajiet tal-istati membri, speċjalment fir-rigward tal-kontroll tal-fruntieri, ir-ritorn u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Ir-regolament il-ġdid ser jinkorpora s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) fil-qafas tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, biex jittejjeb il-funzjonament tagħha.
Ġestjoni tal-fruntieri esterni li tiffunzjona tajjeb hija essenzjali għaż-żamma ta' żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ u ġestjoni effiċjenti u umana tal-migrazzjoni. Dawn ir-regoli l-ġodda ser jippermettu lill-Frontex taqdi rwol akbar fl-appoġġ lill-istati membri fir-rigward tal-kontroll tal-fruntieri, ir-ritorn u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Maria Ohisalo, Ministru għall-Intern tal-Finlandja
Korp permanenti ta' gwardji tal-fruntiera u tal-kosta u esperti fir-ritorn
Biex tiġi żgurata ġestjoni koerenti tal-fruntieri esterni tal-UE u biex tkun tista' tirrispondi għal kriżijiet, il-Frontex ser ikollha korp permanenti għad-dispożizzjoni tagħha. Dan il-korp, li għandu jiġi stabbilit gradwalment, ser jikkonsisti minn mhux aktar minn 10 000 membru tal-persunal operazzjonali sal-2027. Ser ikun jinkludi membri tal-persunal operazzjonali tal-Frontex, kif ukoll mill-istati membri ssekondati għal perjodu twil jew inkella stazzjonati għal żmien qasir, u riżerva għal reazzjoni rapida li ser tinżamm sa tmiem l-2024.
Ritorn
Ir-regoli proposti ser jippermettu lill-Frontex tipprovdi appoġġ tekniku u operazzjonali lill-istati membri fl-operazzjonijiet ta' ritorn. L-aġenzija ser tipprovdi appoġġ fuq talba tal-istat membru kkonċernat jew fuq l-inizjattiva tagħha stess u bi qbil mal-istat membru kkonċernat. Dan l-appoġġ ser ikopri l-oqsma kollha tar-ritorn, mill-attivitajiet preparatorji sal-attivitajiet tar-ritorn, ta' wara r-ritorn u ta' wara l-wasla.
Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi
Ir-regoli proposti ser jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, billi jagħtu lill-aġenzija kamp ta' azzjoni usa' u ma jillimitawx il-possibbiltajiet għal operazzjonijiet konġunti ma' pajjiżi ġirien.
Kuntatti għall-istampa
-
Laura Bérard Press officer
- +32 471 33 09 49
- +32 2 281 57 95
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025