"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-UE

L-UE u l-istati membri tagħha qed jaħdmu fuq miżuri konkreti biex jissalvagwardaw is-sigurtà tal-Ewropa u jsaħħu l-fruntieri esterni tal-UE.

Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (ġeneralment magħrufa bħala l-Frontex) tnediet f'Ottubru 2016 wara s-sejħa tal-mexxejja tal-UE, f'Settembru 2015, biex jissaħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni.

Qabel, l-aġenzija kienet magħrufa bħala l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni. Isimha nbidel biex jirrifletti l-mandat usa' tagħha.

L-aġenzija tissorvelja mill-qrib il-fruntieri esterni tal-UE. Hija taħdem ukoll flimkien mal-istati membri biex tiġi identifikata u indirizzata malajr kwalunkwe theddida ta' sigurtà għall-fruntieri esterni.

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tgħin biex:

  • il-migrazzjoni tkun ġestita b'mod aktar effettiv
  • titjieb is-sigurtà interna tal-UE
  • jiġi protett il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni

F'Novembru 2019, l-UE adottat regolament biex issaħħaħ ir-rwol tal-aġenzija. Magħruf bħala r-regolament dwar il-Frontex, dan jipprevedi:

  • ġestjoni integrata tal-fruntieri
  • rwol akbar għall-aġenzija fit-trattament tar-ritorni
  • il-ħolqien ta' korp permanenti b'6 500 membru tal-persunal sal-2021 u 10 000 membru tal-persunal sal-2027

Kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

Ġestjoni tal-fruntieri: ftehimiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE

Verżjoni testwali

* Il-mappa hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo

S'issa ġew innegozjati ftehimiet dwar l-istatus mal-pajjiżi li ġejjin u huma attwalment fis-seħħ jew qed jistennew il-firma:

  • l-Albanija (iffirmat ftehim imsaħħaħ ġdid)
  • il-Bożnija-Ħerzegovina (qed jiġi nnegozjat ftehim imsaħħaħ ġdid)
  • il-Moldova (ftehim fis-seħħ mill-1 ta' Novembru 2022)
  • il-Montenegro (ġie ffirmat ftehim imsaħħaħ ġdid, applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Lulju 2023)
  • ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq (ftehim fis-seħħ mill-1 ta' April 2023)
  • is-Serbja (ftehim fis-seħħ mill-1 ta' Mejju 2021 u qed jiġi nnegozjat ftehim imsaħħaħ ġdid)

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista' tistazzjona u twettaq operazzjonijiet konġunti fit-territorju ta' pajjiżi ġirien, soġġett għall-konklużjoni minn qabel ta' ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż ikkonċernat.

Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi hija element importanti tal-kunċett ta' ġestjoni Ewropea integrata tal-fruntieri.

S'issa, ġew innegozjati ftehimiet dwar l-istatus mal-pajjiżi li ġejjin u dawn huma attwalment fis-seħħ jew qed jistennew il-firma:

  • l-Albanija
  • il-Bożnija-Ħerzegovina
  • il-Moldova
  • il-Montenegro
  • il-Maċedonja ta' Fuq
  • is-Serbja

Bħalissa l-ftehimiet dwar l-istatus mal-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja qed jiġu nnegozjati mill-ġdid sabiex isir użu sħiħ mir-rwol imsaħħaħ tal-Frontex skont ir-regolament dwar il-Frontex tal-2019.

In-negozjati bdew bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet dwar l-istatus mal-Mauritania u s-Senegal.

Sistema ta' informazzjoni ta' Schengen

Is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS) tgħin biex tippreserva s-sigurtà interna fil-pajjiżi ta' Schengen fin-nuqqas ta' kontrolli fuq il-fruntieri interni.

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE jużaw is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS) biex idaħħlu jew jikkonsultaw allerti dwar persuni jew oġġetti mfittxija jew neqsin. Is-sistema fiha kważi 86.5 miljun allert u l-awtoritajiet ikkonsultawha għal kważi 35 miljun darba kuljum fl-2022.

Is-SIS tipprovdi wkoll struzzjonijiet lill-awtoritajiet dwar kif għandhom jirreaġixxu meta jinstabu persuna jew oġġett, pereżempju:

  • l-arrest ta' persuna mfittxija
  • il-protezzjoni ta' persuna nieqsa vulnerabbli
  • is-sekwestru ta' oġġett illegali jew misruq

F'Novembru 2018, l-UE adottat regoli ġodda biex taġġorna s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

Il-verżjoni aġġornata saret operazzjonali f'Marzu 2023 u tinkludi:

  • kategoriji ġodda ta' allerti
  • bijometrika bħal marki tal-pala tal-id
  • traċċi tas-swaba'
  • rekords tad-DNA għal persuni neqsin

Sistema ta' informazzjoni dwar il-viża

Is-sistema ta' informazzjoni dwar il-viża (VIS) hija bażi ta' data mfassla biex tiffaċilita l-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir. Din tgħin lill-awtoritajiet tal-viża, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni biex jivverifikaw lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom bżonn viża għal soġġorn qasir biex jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen.

Mill-2011, l-awtoritajiet setgħu jużaw il-VIS biex iwettqu tqabbil bijometriku biex jidentifikaw persuni u jipprevjenu s-serq u l-frodi tal-identità.

F'Mejju 2021, l-UE aġġornat ir-regolament VIS, bi tweġiba għall-isfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà li qed jinbidlu. Ir-regoli l-ġodda:

  • tkompli tissaħħaħ is-sigurtà tal-proċedura għal viża għal soġġorn qasir
  • il-viżi għal soġġorn twil u l-permessi ta' residenza jiġu inklużi fl-istess bażi ta' data
  • tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn il-VIS u sistemi u bażijiet ta' data rilevanti oħra tal-UE

Sistema ta' dħul/ħruġ

Il-Kunsill adotta regolament għal sistema ta' dħul/ħruġ (EES) f'Novembru 2017.



F'Mejju 2025, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar ftehim proviżorju li jippermetti lill-istati membri jintroduċu gradwalment, fuq perjodu ta' sitt xhur, is-sistema diġitali ta' Dħul/Ħruġ (EES) għall-ġestjoni tal-fruntieri.

Is-sistema ser tirreġistra informazzjoni dwar id-dħul, il-ħruġ u ċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen.

L-introduzzjoni gradwali tal-EES ser tippermetti lill-istati membri jibbenefikaw mis-sistema filwaqt li tagħti lill-awtoritajiet tal-fruntieri u lill-industrija tat-trasport żmien biex jadattaw. Ir-regolament iqis il-ħtiġijiet differenti tal-istati membri.

Is-sistema l-ġdida ser tinbena mill-istati membri, flimkien ma' eu-LISA (l-aġenzija tal-UE responsabbli għal sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja) u f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Frontex.

Is-sistema ta' dħul/ħruġ ser tgħin biex:

  • tnaqqas id-dewmien tal-verifiki fuq il-fruntieri u ttejjeb il-kwalità tal-verifiki fuq il-fruntieri billi jiġi kkalkolat awtomatikament is-soġġorn awtorizzat ta' kull vjaġġatur
  • tiżgura l-identifikazzjoni sistematika u affidabbli tal-persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn
  • issaħħaħ is-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u kriminalità serja oħra billi tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess għar-rekords tal-istorja tal-ivvjaġġar

Sistema Ewropea ta' informazzjoni u ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar

Il-Kunsill adotta r-regolament li jistabbilixxi s-sistema Ewropea ta' informazzjoni u ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS) f'Settembru 2018. Din is-sistema tal-IT ser tintuża biex twettaq verifiki minn qabel fuq vjaġġaturi eżenti mill-viża u, fejn meħtieġ, dawn ma jingħatawx awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

Hija ser tkun simili għal sistemi eżistenti fis-seħħ fl-Istati Uniti, fil-Kanada u fl-Awstralja, fost oħrajn, u ser iġġib diversi benefiċċji bħal:

  • sigurtà interna msaħħa
  • prevenzjoni aħjar tal-immigrazzjoni illegali
  • tnaqqis tar-riskji għas-saħħa pubblika u tad-dewmien fil-fruntieri

L-ETIAS ser tiġi żviluppata minn eu-LISA, li hija l-aġenzija tal-UE li tiġġestixxi s-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Marzu 2025