- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 4 ta' Novembru 2020 17:03
InvestEU: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta riveduta tal-Kummissjoni
Illum, ir-rappreżentanti permanenti tal-istati membri tal-UE qablu dwar il-mandat parzjali għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar proposta riveduta tal-Kummissjoni għall-programm InvestEU.
L-għan ta' InvestEU huwa li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta' investituri pubbliċi u privati f'operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment billi jipprovdi garanziji mill-baġit tal-UE biex jindirizzaw nuqqasijiet u sitwazzjonijiet ta' investiment mhux ottimali. Il-Kummissjoni ppreżentat proposta riveduta għal dan il-programm bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali rivedut u l-pakkett għall-irkupru f'Mejju 2020. Element ewlieni tal-proposta riveduta kien l-introduzzjoni tal-ħames tieqa ġdida għall-investiment strateġiku Ewropej flimkien mas-sezzjonijiet ta' politika proposti qabel għall-infrastruttura sostenibbli, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-SMEs, u l-investiment soċjali u l-ħiliet.
Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17-21 ta' Lulju, il-Kunsill integra t-tieqa ġdida proposta għall-investiment strateġiku Ewropew fl-erbat itwieqi l-oħra ta' politika, li għalhekk jistgħu jappoġġaw lir-riċevituri finali li l-attivitajiet tagħhom huma ta' importanza strateġika għall-UE, b'mod partikolari fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, ir-reżiljenza msaħħa u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur strateġiċi.
Il-Kunsill jankra wkoll l-Iskema għal Tranżizzjoni Ġusta f'InvestEU, bħala t-tieni pilastru tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, fir-regolament InvestEU. L-iskema ser tiġi stabbilita orizzontalment fis-sezzjonijiet kollha ta' politika biex tappoġġa investiment li jindirizza l-isfidi soċjali, ekonomiċi jew ambjentali li jirriżultaw mill-proċess ta' tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 u l-kisba tal-mira klimatika tal-UE għall-2030, għall-ġid tat-territorji l-aktar milquta ħażin.
Abbażi tal-gwida mogħtija mill-Kunsill Ewropew f'Lulju, il-Kunsill jindika li l-garanzija tal-UE għall-programm InvestEU ser tammonta għal €23.5 biljun, li għandhom jiġu pprovduti bir-rata ta' 40 %. Il-garanzija tal-UE hija mqassma fl-erbat itwieqi ta' politika kif ġej:
- 35 % għat-tieqa tal-infrastruttura sostenibbli
- 27.5 % għat-tieqa tar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni
- 27.5 % għat-tieqa tal-SMEs
- 10 % għat-tieqa tal-investiment soċjali u l-ħiliet
Dwar partijiet oħra tal-proposta InvestEU, inkluż il-governanza, il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-fehim komuni li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew f'April 2019.
Il-passi li jmiss
In-negozjati mal-Parlament Ewropew mistennija jibdew hekk kif il-Parlament jaqbel dwar il-mandat tiegħu.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024